Meta mpjegat jew persuna taħdem għaliha nnifisha tkun ma tiflaħx minn fuq il-post tax-xogħol, trid tmur għand tabib biex dan tal-aħħar jimla’ Ċertifikat Mediku l-Blu u jkun sottomess lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi żmien għaxart (10) ijiem mill-ewwel ġurnata tal-mard. L-uniċi eċċezzjonijiet ta’ dewmien ta’ sottomissjoni aċċettati huma dovuti għar-rekoveru fl-isptar jew trattament mediku barra mill-pajjiż. Min-naħa l-oħra, il-kopja taċ-ċertifikat mediku blu għandha tingħata lil min iħaddem. Jekk il-mard ikun iktar minn erbatax (14) -il ġurnata, iċ-ċertifikat mediku blu għandu jiġi mġedded kull żewġ (2) ġimgħat, sakemm l-persuna tkun tajba biex terġa’ tmur lura x-xogħol.
Jekk eliġibbli, il-Benefiċċju għal Mard jista’ jingħata lil persuna li għadha ma laħqitx l-età tal-irtirar.
Benefiċċju għal Mard Miżjud
Mill-1 ta' Jannar 2024, il-benefiċjarji li jibbenefikaw mill-Benefiċċju għall-Mard fit-tul u li għandhom talba kontinwa aċċettata ta' mija u sitta u ħamsin (156) jum ta' benefiċċju (jew sitt (6) xhur), għandu jkollhom it-talba tagħhom għall-Benefiċċju għal Mard mibdula awtomatikament għall-Benefiċċju għal Mard Miżjud mill-mija u seba’ u ħamsin (157) jum tax-xogħol 'il quddiem. Ir-rata applikabbli għall-Benefiċċju għal Mard Miżjud tkun bħal dik tal-pensjoni tal-Invalidità . Il-Benefiċċju għal Mard Miżjud jibqa' jitħallas sakemm:
Jiġi sottomess ċertifikat mediku blu finali, u b'hekk tingħalaq it-talba għal Benefiċċju għal Mard,
Ikun hemm data tal-egħluq deċiża mill-Bord Mediku maħtur mid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali,
Il-persuna assikurata teżawrixxi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jkollha fir-rekords tagħha, jew
Il-persuna assikurata teżawrixxi erba’ mija u tmienja u sittin (468) jum konsekuttivi ta' benefiċċju.
Dan t' hawn fuq japplika, skont liema jiġi l-ewwel.
Ir-rata ta’ kuljum tal-ħlas għall-Benefiċċju għal Mard Miżjud hija ta’ wieħed u tletin ewro u tnejn u sebgħin ċenteżmu (€31.72) għall-persuna miżżewġa li tmantni lill-konjuġi, u erbgħa u għoxrin ewro u disgħa u erbgħin ċenteżmu (€24.49) kuljum għall-persuna waħeda, jew għal persuna miżżewġa li l-konjuġi tiegħu/tagħha t/jkun taħdem full-time.
M’hemmx għalfejn tapplika għall-Benefiċċju għal Mard Miżjud għaliex ir-rata tal-benefiċċju tinbidel awtomatikament minn eżattament wara mija u sitta u ħamsin (156) jum ta’ Benefiċċju kurrenti u kontinwu għal Mard.
M’hemmx bżonn tissottometti dokumenti ulterjuri minħabba li l-Benefiċċju għal Mard Miżjud tingħata skont il-parir tal-Bord Mediku tal-Benefiċċju għal Mard.
Krediti tal-Benefiċċju għal Mard
Persuna Imjegata li tkun waqgħet fuq il-leave tal-Mard bla ħlas, jew li Timpjega Lilha Innifisha u li tirċievi Benefiċċju għal Mard jew ikollha talba kontinwa miftuħa għal Benefiċċju għal Mard wara eżawriment ta’ ħlas.
Il-Krediti jingħataw jekk applikabbli, għal kull ġimgħa sħiħa ta’ talbiet aċċettati ta’ Benefiċċju għal Mard, Benefiċċju tal-Korriment fuq il-Post tax-Xogħol, jew Benefiċċju tad-Diżimpjieg.
Informazzjoni importanti dwar iċ-Ċertifikat Mediku Blu
Dawk li jagħmlu t-talba għandhom jiżguraw li l-indirizz miktub fuq iċ-Ċertifikat Mediku Blu jaqbel mal-indirizz uffiċjali miżmum mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, li jintuża mid-dipartiment għal kull korrispondenza uffiċjali. Għalhekk, ma jsir l-ebda tibdil fl-indirizz uffiċjali li għandu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jekk dan ikun differenti minn dak indikat fuq iċ-ċertifikat.
Tista’ tivverifika u taġġorna biss l-indirizz uffiċjali tiegħek online, skont l-indirizz attwali fuq il-Karta tal-Identità tiegħek billi tikklikkja hawn, jew żur wieħed mill-hubs ta’ servizz.gov għal aktar għajnuna.
Iktar Informazzjoni
Persuna m’għandiex għalfejn tissottometti ċ-ċertifikat mediku blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’każijiet fejn il-perjodu ta’ inkapaċità mix-xogħol huwa ta’ tlett (3) ijiem ta’xogħol jew anqas.
Ċertifikazzjoni ta’ mard ta’ tlett (3) ijiem ta’ xogħol jew anqas ma jikkostitwix talba għall-Benefiċċju għal Mard, iżda l-kopja taċ-ċertifikat trid tingħata lil min iħaddem, jekk dan jesiġi li jkun irid il-Kopja għall-Prinċipal.
Ċertifikat ta’ Bidu u Tmiem jew Ċertifikat Magħluq jiċċertifika li l-persuna assigurata mhijiex tajba għax-xogħol għal perjodu speċifiku ta’ jiem li ma jaqbiżx l-erbatax-il (14) ġurnata. Iċ-ċertifkat juri d-dati ta’ meta bdiet bil-leave tal-mard, kif ukoll id-data ta’ meta rid tirritorna għax-xogħol. Dan jiċċertifika li l-persuna assigurata mhux tajba li tmur għax-xogħol għal jiem speċifikati li ma jaqbżux erbatax-il (14) ġurnata.
Ċertifikat ta’ Bidu jew Bidu Miftuħ jiċċertifika li l-persuna assigurata ġiet eżaminata medikament għall-ewwel darba u mhux se tkun tajba għax-xogħol għal aktar minn erbatax-il (14) ġurnata.
Ċertifikat ta’ Kontinwazzjoni jiċċertifika li l-persuna assigurata għadha mhix kapaċi tattendi x-xogħol għall-perjodu li ma jeċċedix l-erbatax-il (14) ġurnata mid-data tal-eżami fuq l-istess ċertifikat mediku blu. Dan ifisser li l-persuna diġà ssottomettiet ċertifikat mediku blu u se tkompli bit-talba tagħha. Huwa importanti li tkun taf li sakemm ċertifikat tal-bidu ikun indikat bħala miftuħ (open), l-ebda benefiċċju għall-Mard ma jingħata sakemm ikun hemm sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ kontinwazzjoni jew ta’ Tmiem li jmiss warajħ.
Ċertifikat ta’ Tmiem jew Finali juri d-data ta’ meta l-applikant huwa tajjeb biex jirritorna lura għax-xogħol, għalkemm ma jindikax id-data ta’ meta bdiet it-talba. Dan jiċċertifika li l-persuna assigurata tista’ tidħol lura għax-xogħol fid-data speċifikata fuq iċ-ċertifikat mediku blu għal perjodu li ma jeċċedix l-erbatax-il (14) ġurnata mid-data tal-eżami fuq l-istess ċertifikat.
Persuna li ssofri mill-marda tal-Fibromyalgia jew Myalgic Encephalomyelitis (ME) titħallas il-benefiċċju għal Mard mill-ewwel ġurnata ta’ mard hekk kif tagħmel it-tieni talba ta’ mard fl-istess sena.
Persuna li għaddejja minn kors ta’ terapija minħabba l-kanċer titħallas l-Benefiċċju għal Mard mill-ewwel ġurnata ta’ mard hekk kif tagħmel it-tieni talba ta’ mard fl-istess sena.
Ġenituri li minħabba li jinsabu neqsin mid-dinja tax-xogħol għaliex uliedhom qed jieħdu kura għal mard rari, jistgħu jkunu eliġibbli għal kreditu tal-kontribuzzjoni għal perjodu massimu ta’ tmien (8) snin.
Għal informazzjoni dwar sitwazzjonijiet transkonfinali ikklikkja hawn.