• Reġistrazzjoni taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (DSS)

    In-numru tas-sigurtà soċjali tiegħek huwa (numru N.I.) huwa rreġistrat taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.). Jintuża biex tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa jagħtuk dritt għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali provduti taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (KAP. 318.), soġġett għall-kundizzjonijiet ta’ intitolament li jeżistu għal kull tip ta’ benefiċċju. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-kategoriji u l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom/għalihom infushom iridu jħallsu, hawn.

     

    Minn Ottubru tal-2016, in-numru ta’ reġistrazzjoni tas-sigurtà soċjali ma baqgħax joħroġ għall-persuni li għandhom fil-pussess tagħhom Karta tal-Identità permanenti Maltija (bl-ittri M, L, G, H) u joħroġ biss għall-persuni li mhumiex fil-pussess ta’ Karta tal-Identità permanenti Maltija. Madankollu, dawk il-minuri li għadhom studenti taħt is-sittax-il (16) sena u għandhom Karta tal-Identità Maltija (14+) iżda jixtiequ jaħdmu fuq bażi temporanja, huma obbligati li jirreġistraw għal numru tas-sigurtà soċjali jekk l-aħħar sena skolastika obbligatorja ma tlestietx.

     

    L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.), jipprovdi li kull persuna li tkun f’impjieg assigurabbli Malti bejn l-età ta’ sittax (16) u ħamsa u sittin (65) sena għandha tkun assigurata, u dan jinkiseb awtomatikament meta l-persuna tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’Malta. Tali rekwiżit obbligatorju jagħmel lil kull persuna assigurata eliġibbli biex titlob u tirċievi benefiċċji kontributorji tas-sigurtà soċjali, inkluża pensjoni tal-irtirar, soġġetta li tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi tal-benefiċċju.