Ħarsa ġenerali​

L-Assistenza għal Mard tingħata lil persuna jekk turi provi li jissodisfaw lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali li l-persuna responsabbli tal-familja jew kwalunkwe membru tal-familja li jgħix fid-dar, qed tbati minn marda elenkata hawn taħt, li titfejjaq jew tittaffa biss b’dieta jew regoli dwar dieta speċjali li jġibu magħhom spiża addizzjonali.

  1. Mard ta’ Natura Malinja
  2. Mard Kardjovaskulari:
    • Falliment Konġestiv tal-Qalb
    • Pressjoni Għolja persistenti b'kejl tad-Dijastolika ‘l fuq minn 110 jekk baqgħet mhux trattata
  3. Mard Endokrinali:
    • Il-marda ta’ Addison
    • Diabete Mellitus taż-Żgħar
    • Disturbi kkawżati minn nuqqas ta’ Enżimi
  4. Mard tal-Kliewi:
    • Sindromu Nefrotiku
    • Insuffiċjenza Renali Kronika
  5. Sistema diġestiva:
    • Ulċera Peptika (fl-istonku u fid-duwodenu) Kronika
    • Il-Marda Coeliac u Stejatorreja Idjopatika
    • Il-Marda ta’ Crohn u Kolite Ulċerattiva
  6. Mard tal-Fwied:
    • Ċirrożi Epatika flimkien ma’ Axxite jew Sintomi Newroloġiċi
    • Il-Marda ta’ Wilson
  7. Iskiżofrenja Kronika
    • Bi-polar Disorder
    • Dipressjoni bi Psikosi
  8. Infezzjoni bil-mikrobu tal-H.I.V.
  9. Chronic lymphedema disease
  10. Fibromyalgia
  11. Myalgic Encephalomyelitis (ME)
  12. Fibrous Dsyplasia
  13. Mard Ieħor:
    • Ħsara Fiżika jew Mentali kkawżata mid-Dijabete Mellitus sew jekk konġenitali jew akkwiżita
    • Il-każijiet kollha tad-Dijabete
    • Mard Terminali

X’se tingħata

L-Assistenza għal Mard titħallas kull erba’ (4) ġimgħat bil-quddiem.
L-ewwel pagament joħroġ mil-ewwel Sibt minn wara d-data ta’ l-applikazzjoni.

Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.

Eliġibbiltà​​

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

  • L-assi kapitali ta’ koppja ma jridux jeċċedu tlieta u għoxrin elf u tliet mitt ewro (€23,300) u dawk ta’ persuna waħedha ma jridux jeċċedu erbatax-il elf ewro (€14,000). Dawk li jkunu wirtu wara li bdew jirċievu l-Pensjoni mhux Kontributorja (AP) u Assistenza għal Mard (SKA) u jkunu ilhom jirċevuha għal mill-anqas ħames (5) snin, il-limitu tal-kapital ser jitla’ għal ħamsin elf (€50,000) għal miżżewġin u għal tletin elf (€30,000) għall-persuni waħidhom.
  • Għandhom kundizzjoni medika skont kif indikat fil-lista.
  • Id-dħul fil-ġimgħa ma jeċċedix mitejn u tmintax-il ewro u tmienja u tmenin ċenteżmu (€218.88) għal koppja u mija u erbgħa u disgħin ewro u sebgħa u disgħin ċenteżmu (€194.97) għal persuna waħedha.
  • Il-persuna ma tridx tkun impjegata u taqla’ aktar minn sbatax-il ewro u ħamsin ċenteżmu (€17.50) fil-ġimgħa.
  • F’każ ta’ koppja fejn wieħed jew waħda minnhom tkun qed tirċievi xi wieħed mill-assistenzi għal diżabilità u ma tkunx taħdem, dan id-dħul jiġi njorat.
  • F’każ ta’ koppja fejn wieħed jew waħda minnhom tkun qed tirċievi l-Allowance Miżjuda għal Carers u l-Allowance għal Carers, dan id-dħul jiġi njorat.
  • Sabiex armel jew armla jibqgħu eliġibbli għal Għajnuna għal Mard, jridu jkunu diġà pazjenti u għaldaqstant kienu diġà jirċievu l-Assistenza għal Mard f’isimhom.
  • B’effett minn Jannar 2023, persuni li ma jkunux f’impjieg u li jkunu jirċievu l-benefiċċju kontributorju tal-Mard (SB) jew Qgħad (UB / SUB) jistgħu jiġu ntitolati għall-Assitenza għal Mard (SKA) jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi tal-SKA.  F’dawn il-każijiet id-dħul li jkun ġej mill-Benefiċċju tal-Mard jew tal-Qgħad se jkun qieħed jiġi njorat għall-finijiet ta’ test tal-mezzi fl-Għajnuna Medika.

Kif tapplika​

Dokumentazzjoni ġenerali:

  • Rapport tat-Tabib – Ikklikkja hawn biex tniżżel dan id-dokument li jrid jiġi ffirmat u ttimbrat minn tabib.
  • Rendikonti tal-Bank (kontijiet bankarji lokali u barranin).
  • Kopja tal-irċevuti tal-kera (jekk id-dar tar-residenza hija mikrija).
  • Kopja tal-ftehim tal-kera jekk il-kera tkun ġejja minn proprjetajiet oħra.
  • Dokumenti relattivi dwar il-valur ta’ kwalunkwe Ħażniet / Ishma / Bonds u d-dħul derivat minnhom.
  • Il-valur tas-suq ta’ kwalunkwe proprjetà vakanti (li mhix dar ta’ residenza u / jew residenza tas-sajf).
  • Dikjarazzjonijiet / dokumenti relattivi dwar dħul li ġej minn pensjonijiet barranin.
  • Dokumenti dwar separazzjoni/Divorzju, jekk ikun il-każ.

Kif tapplika

Ladarba tiġi sottomessa u vverifikata l-applikazzjoni mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, wara titressaq għar-rakkomandazzjoni tal-Bord Mediku, maħtur skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali (KAP. 318.). Ladarba l-Bord japprova t-talba, tibda l-proċedura għall-ħlas. Jekk it-talba tiġi rrifjutata, il-persuna li tkun għamlet it-talba tiġi infurmata b'dan bil-miktub.

Armel jew armla li jkunu diġà benefiċċjarji, m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw f’każ ta’ mewt tal-konjuġi. B’mod awtomatiku jibqa’ għaddej il-pagament tal-Assistenza għal Mard mingħajr interruzzjoni.

Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.

applika