Ħarsa ġenerali​

SABIEX tiġi implimentata waħda mill-miżuri mħabbra fil-Baġit għas-sena 2022, il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali fasslu l-Iskema li ġejja, biex tipprovdi għotja ta’ darba għal persuni li kienu liċenzjati bħala ħaddiema tax-xatt bejn l-4 ta’ April, 1973 u l-1 ta’ Ġunju, 2007 u li ma kienux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu.

X’se tingħata

Għotja ta’ darba.

L-ammont kollu tal-għotja għandu jitħallas lill-applikant permezz ta' ċekk li jintbagħat bil-posta fl-indirizz li jidher fuq il-formola tal-applikazzjoni. Ebda mgħax m'għandu jibda jiddekorri fuq l-ammont tal-għotja dovuta lill-applikant. Hija kundizzjoni ta' din l-Iskema li meta jaċċetta l-għotja l-applikant ikun qed jirrinunzja għal kull talba oħra u li jirtira kull kawża magħmula kontra l-Gvern, Awtorità jew xi entità tiegħu.

Eliġibbiltà​​

Din l-iskema tapplika għal applikanti li kienu msieħba fil-Port Pension and Contingency Fund matul il-perjodu effettiv. L-applikanti hekk imsieħba jkunu intitolati biss għal għotja ta’ darba.

L-iskema tapplika wkoll għall-eredi ta’ dawk il-ħaddiema tax-xatt eliġibbli skont il-kundizzjonijiet tal-Iskema u li jkunu mejta meta ssir l-applikazzjoni għall-għotja taħt din l-Iskema.

Kif tapplika​

  1. Applikazzjonijiet taħt din l-Iskema għandhom isiru fuq il-formola tal-applikazzjoni murija fl-Iskeda ma’ din l-Iskema u għandu jkun fihom it-tagħrif u d-dettalji kollha kif meħtieġ fl-imsemmija formola u skont din l-Iskema.
  2. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet taħt din l-Iskema magħmula f’isem persuna mejta għandha ssir applikazzjoni mill-eredi. F’każ li jkun hemm aktar minn eredi wieħed, trid issir applikazzjoni waħda konġunta mill-eredi. Flimkien mal-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata wkoll dikjarazzjoni magħmula quddiem nutar li fiha jiġi ddikjarat min huwa/huma l-eredi tal-persuna mejta liema persuna mejta kienet eliġibbli sabiex tapplika għal din l-Iskema u min huwa l-eredi awtorizzat biex jirċievi l-pagament tal-għotja f’isem l-eredi kollha. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jzomm id-dritt li jitlob il-preżentazzjoni ta’ dokumenti oħra barra dawk imsemmija.
  3. Il-ħlas tal-għotja jsir biss għal dawk l-applikazzjonijiet li jikkwalifikaw u li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-Iskema.
  4. Applikazzjonijiet taħt din l-Iskema, inklużi d-dokumenti li għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni għandhom jintbagħtu bil-posta lill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, c/o Blokk A, Triq Francesco Buonamici, Floriana FRN 1700 sa mhux iżjed tard mil-31 ta’ Lulju, 2022.
  5. Persuni li applikaw skont l-Iskema mxandra fil-Gazzetta tal-Gvern tat-2 ta’ Mejju 2017, tas-17 ta’ April 2018, 26 ta’ April 2019, 8 ta’ Mejju 2020 u 27 ta’ April 2021 u li rċevew pagamenti għaliex kienu eliġibbli skont it-termini tal-Iskema, aktar -il quddiem matul din is-sena ser jirċievu notifika dwar dan mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali biex jigu kkonfermati id-dettalji.
  6. F’każ ta’ mewt ta’ applikanti eliġibbli li kienu rċevew pagament taħt l-iskemi fis-snin preċedenti u sejħiet għall-applikazzjonijiet fl-2017/2018/2019/2020/2021, trid issir applikazzjoni mill-ġdid taħt din l-Iskema mill-armla jew mill-eredi awtorizzat skont kif spjegat fil-klawsola 3 (ii) hawn fuq.

L-applikazzjoni għandha tintbagħat bil-posta lill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, c/o Blokk A, Triq Francesco Buonamici, Floriana FRN 1700 mhux aktar tard mil-31 ta’ Lulju, 2022.

Tagħrif Importanti

It-tagħrif personali mogħti f’din l-applikazzjoni huwa protett u wżat skont l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data.

L-użu tal-kont tal-Bank bin-numru tal-IBAN, irid jintela biss minn dak l-applikant eliġibbli li jirċievi s-somma f’ismu jew minn dak l-applikant awtorizzat li jirċievi s-somma f’isem l-eredi l-oħra. In-numru tal-IBAN ser jintuza biss għal-fini tal-ħlas dwar l-iskema tas-sena 2022.

F’każ fejn ikun sar ħlas bi żball, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jirriserva d-dritt li jiġbor lura l-ammonti li jkunu tħallsu bi żball. Kemm-il darba jirriżulta li saret talba qarrieqa, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jista’ jibda proċeduri kriminali kontra min ikun responsabbli.

It-tagħrif mogħti f’din il-formola tal-applikazzjoni ser jintuża mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol u mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

applika