Ħarsa ġenerali​

Il-Benefiċċju għal Mard jista’ jingħata lil persuna li għadha ma laħqitx l-età tal-irtirar, u għandu jimtela ċertifikat mediku minn tabib. Iċ-ċertifikat mediku oriġinali għandu jintbagħat jew jiġi kkunsinjat lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi żmien 10 ijiem (l-uniċi eċċezzjonijiet aċċettati huma dovuti għad-dħul fl-isptar jew trattament barra mill-pajjiż) mill-ewwel jum tal-mard. Min-naħa l-oħra, il-kopja taċ-ċertifikat mediku għandha tingħata lil min iħaddem. Jekk il-mard ikun itwal minn 14 il-ġurnata iċ-ċertifikat mediku għandu jiġi mġedded kull 2 ġimgħat, sakemm l-persuna tkun tajba biex terġa’ tibda taħdem.

  • Persuna m’għandhiex għalfejn tissottometti l-oriġinal taċ-ċertifikat il-blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’każijiet fejn il-perjodu ta’ inkapaċità mix-xogħol huwa ta’ 3 ijiem jew anqas
  • Ċertifikazzjoni ta’ mard ta’ 3 ijiem jew anqas ma jikkostitwix talba għall-benefiċċju għal mard imma l-kopja taċ-ċertifikat trid tingħata lil min iħaddem, jekk dan jesiġi li jkun irid il-Kopja għall-Prinċipal
  • Ċertifikat ta’ Bidu u Tmiem jew Ċertifikat Magħluq jiċċertifika li l-persuna assigurata mhijiex tajba għax-xogħol għal perjodu speċifiku ta’ jiem li ma jaqbiżx l-14-il ġurnata
  • Ċertifikat ta’ Bidu jew Bidu Miftuħ jiċċertifika li l-persuna assigurata ġiet eżaminata medikament għall-ewwel darba u mhux se tkun tajba għax-xogħol għal aktar minn 14-il ġurnata
  • Ċertifikat ta’ Kontinwazzjoni jiċċertifika li l-persuna assigurata għadha mhix kapaċi tattendi x-xogħol għall-perjodu li ma jeċċedix l-14-il ġurnata mid-data tal-eżami fuq iċ-ċertifikat mediku
  • Ċertifikat ta’ Tmiem jew Finali jiċċertifika li l-persuna assigurata tista’ tidħol għax-xogħol fid-data speċifikata fuq iċ-ċertifikat mediku għal perjodu li ma jeċċedix l-14-il ġurnata mid-data tal-eżami fuq l-istess ċertifikat
  • Persuna li ssofri mill-marda tal-fibromyalgia titħallas l-benefiċċju tal-Mard mill-ewwel ġurnata ta’ mard
  • Persuna li għaddejja minn kura ta’ terapija minħabba l-kanċer titħallas l-benefiċċju tal-Mard mill-ewwel ġurnata ta’ mard
  • Ġenituri li minħabba li jinsabu neqsin mid-dinja tax-xogħol għalhiex uliedhom qed jieħdu kura għal mard rari, jingħataw kreditu tal-kontribuzzjoni għal dan il-perjodu għal mhux iżjed minn 8 snin

X’se tingħata

Impjegat jitħallas il-Benefiċċju għall-Mard mir-4 jum tal-marda (l-għada tad-data tal-eżami), peress li l-ewwel 3 ijiem jitħallsu minn min iħaddem. Min iħaddem għandu 2 għażliet:

a. Iħallas il-paga sħiħa tal-impjegat għall-ewwel 3 ijiem ta’ mard u mbagħad iħallas id-differenza bejn ir-rata tal-benefiċċju għall-mard u l-paga għal kumplament tal-mard ċertifikat

b. Iħallas il-paga sħiħa tal-impjegat għat-tul tal-mard ċertifikat kollu u l-impjegat jirrifondi lil min iħaddem il-ħlas tal-Benefiċċju għall-Mard ladarba dan jinħareġ mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali

Persuna li taħdem għar-rasha li tissottometti ċertifikat mediku tingħata Benefiċċju għall-Mard mir-4 jum tal-mard, u hi intitolata għar-rata ta’ Beneficcju fissa.

Il-Benefiċċju għall-Mard jingħata skont in-numru ta’ ġranet tax-xogħol f'ġimgħa tax-xogħol normali (jiġifieri ġimgħa ta' 5 jew 6 ijiem). L-ebda ħlas ma jsir għal btajjel pubbliċi u l-Ħdud.

Persuna li waqfet taħdem minħabba raġunijiet ta’ mard u qed tistenna li tingħata Pensjoni ta’ Invalidità Kontributorja jew ma tkunx f'qagħda li taħdem u qed tissottometti ċertifikati mediċi kull ġimgħa, tista' tingħata wkoll Benefiċċju tal-Mard. F’dan il-każ il-ħlas isir mit-Tnejn sas-Sibt kif ukoll għall-btajjel pubbliċi, ħlief il-Ħdud.

Persuna m’għandiex għalfejn tissottometti l-oriġinal taċ-ċertifikat il-blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’każijiet fejn il-perjodu ta’ inkapaċità mix-xogħol huwa ta’ 3 ijiem jew anqas.

Ċertifikazzjoni ta’ mard ta’ 3 ijiem jew anqas ma jikkostitwix talba għall-benefiċċju tal-mard imma l-kopja taċ-ċertifikat irid jingħata lil min iħaddem, jekk dan jesiġi li jkun irid il-Kopja għall-Prinċipal.

L-impjegati tal-Gvern huma esklużi milli jingħataw Benefiċċju għall-Mard waqt li jkunu fuq leave għall-mard bi ħlas.

Applikazzjoni tieħu madwar 4 ġimgħat sabiex tiġi ppoċessata jekk id-dokumenti mehmuża jkunu kif rikjesta.

Agħfas hawn għall-Iskeda ta’ Rati ta’ Benefiċċji u Assistenzi.

Tista’ tagħmel użu minn kalkulatur onlajn sabiex tagħmel stima tal-intitolament għall-Benefiċċju għall-Mard.

Eliġibbiltà​​

• Biex persuna tkun eliġibbli għar-rata ta’ koppja ta’ Benefiċċju għall-Mard, trid tkun:

o Miżżewġa jew f'unjoni ċivili mal-konjuġi li ma taħdimx full-time
o Separata legalment imma tagħti manteniment lill-ex-konjuġi
o Ġenitur waħdu li jkollu l-kura u l-kustodja tat-tfal. Fil-każ ta’ kustodja maqsuma, l-applikant irid jagħti manteniment lil konjuġi jew qed jirċievi Allowance tat-Tfal

• Biex persuna tkun eliġibbli għar-rata ta’ persuna waħedha ta’ Benefiċċju għall-Mard, trid tkun:

o Persuna waħedha
o Miżżewġa jew f’unjoni ċivili mal-konjuġi li taħdem full-time
o Separata legalment iżda ma tagħtix manteniment lill-ex-konjuġi
o Ġenitur waħdu li ma jkollux il-kura u l-kustodja tat-tfal

• L-applikant irid ikun ħallas minn tal-inqas 50 Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Klassi 1 u jew tal-Klassi 2 minn meta ġie reġistrat taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) sad-data tat-talba għall-benefiċċju; kif ukoll ikun ħallas jew ġie akkredidat 20 Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali matul l-aħħar sentejn sħaħ qabel is-sena li fiha ssir it-Talba għall-Benefiċċju tal-Mard

Jekk persuna tieħu aktar minn 60 jum ta’ Benefiċċju għall-Mard, tirċievi ittra biex tattendi Bord Mediku, maħtur skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318). Il-Benefiċċju għall-Mard għandu jitħallas sa 156 jum u jista’ jiġi estiż sa 468 ġurnata ta' benefiċċju f’sentejn skont id-Deċiżjoni tal-Bord Mediku. Il-ħlas massimu jiddependi wkoll min-numru ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mħallsa waqt l-impjieg ta' min jagħmel it-talba.

Kif tapplika​

M'hemm l-ebda applikazzjoni għall-Benefiċċju għall-Mard.

Wieħed jista’ jissottometti kopja taċ-ċertifikat mediku onlajn.
applika