Ħarsa ġenerali​

Il-Benefiċċju tal-Enerġija huwa mmirat sabiex itaffi l-effett taż-żieda fl-infiq fuq il-kontijiet tal-ilma u l-elettriku ta’ familji bi dħul baxx.

Wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-Benefiċċju tal-Enerġija, persuna tista’ tikkwalifika jew:

• Bħala każ soċjali; jew
• Permezz ta’ Test tal-Mezzi fuq id-Dħul.

X’se tingħata

Persuna li tikkwalifika għal Benefiċċju tal-Enerġija awtomatikament jew permezz ta' Test tal-Mezzi fuq id-Dħul, tkun intitolata għal:

• Ammont li jikkumpensa 30% tal-konsum tal-elettriku qabel l-eko-reduzzjoni, sa massimu ta’ €75 fis-sena għal kull persuna fid-dar, u
• Jekk l-applikant jew il-konjuġi huma d-detentur tal-kont, ikunu intitolati għal sussidju ta’ mhux aktar minn €65 kull sena fuq il-kera tal-arloġġ tal-elettriku, u sussidju ta’ mhux aktar minn €59 kull sena fuq il-kera tal-arloġġ tal-ilma.

Barra minn hekk, applikant li għandu aktar minn 60 sena u li jirċievi Benefiċċju tal-Enerġija jingħata wkoll €40 fis-sena għal kull dar bħala Rifużjoni tal-Gass, pagabbli biss ma’ kontijiet attwali. Applikant li jkun taħt is-60 sena u li jirċievi l-Benefiċċju tal-Enerġija, jingħata €30 kull sena għal kull dar bħala Rifużjoni tal-Gass.

Kemm il-Benefiċċju tal-Enerġija kif ukoll ir-Rifużjoni tal-Gass jitnaqqsu direttament mill-kont tal-Ilma u l-Elettriku. L-ammont tal-Benefiċċju tal-Enerġija u Rifużjoni tal-Gass imnaqqas, jidher fid-dettall fit-tieni paġna tal-kont. Dawk li huma eliġibbli għall-Benefiċċju tal-Enerġija u Rifużjoni tal-Gass iżda m’għandhomx il-kont tal-ilma u tal-elettriku fuq isimhom, jirċievu ittra mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bid-dettalji tal-Benefiċċju tal-Enerġija u Rifużjoni tal-Gass tagħhom.

Eliġibbiltà​​

Persuna li tirċievi l-Benefiċċji/Assistenzi tas-Sigurtà Soċjali li ġejjin tikkwalifika għall-Benefiċċju tal-Enerġija:

o Persuna li tirċievi Assistenza Soċjali, Assistenza għal Carers, Assistenza Miżjuda għal Carers, Allowance għal Ġenitur Waħdu mhux Miżżewweġ jew Assistenza għall-Qgħad
o Persuna li tirċievi Benefiċċju Speċjali tad-Diżimpjieg
o Persuna li tirċievi Pensjoni tal-Età

Persuna li tirċievi l-Allowances/Assistenzi li ġejjin tikkwalifika permezz ta’ Test tal-Mezzi fuq id-Dħul:

o Allowance għat-Tfal
o Allowance Supplimentari
o Assistenza għad-Diżabilità

Biex jikkwalifika għall-Benefiċċju tal-Enerġija d-dħul iddikjarat minn applikant m'għandux jeċċedi €9,302 (Sena Bażi 2017).

Kull tibdil fiċ-ċirkostanza għandu jiġi rrappurtat immedjatament lid-Direttur Ġenerali (Sigurtà Soċjali). Jekk id-Direttur Ġenerali (Sigurtà Soċjali) ma jkunx infurmat dwar il-bidla fiċ-ċirkostanza, intitolament għall-benefiċċju jew parti minnu jista’ jintilef.

Kif tapplika​

Imla l-formola onlajn u ibgħatha.
applika