Ħarsa ġenerali​

L-Assistenza Soċjali tista’ tingħata lil Kap tal-Familja jekk:

• ma jistax jaħdem minħabba raġunijiet mediċi;
• ma jistax jidħol f’impjieg minħabba li għandu tfal taħt il-kura u l-kustodja tieghu u huwa legalment jew de facto separat;
• miżżewweġ; f’unjoni ċivili; jikkoabita u qed jieħu ħsieb ta’ konjuġi marid serjament. F’dan il-każ l-applikazzjoni hija soġġetta għall-approvazzjoni ta’ Bord Mediku, maħtur skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318).

X’se tingħata

L-Assistenza Soċjali titħallas kull 4 ġimgħat bil-quddiem.

Jekk il-Kap tal-Familja jkun qiegħed jgħix waħdu, ikun jista’ jirċievi l-Assistenza Soċjali f'ismu. Mill-banda l-oħra, jekk il-familja tkun iffurmata minn membri oħra, il-Kap tal-Familja jirċievi l-Assistenza Soċjai f'ismu u f’isem il-membri l-oħra li jiffurmaw parti mill-familja li tgħix fid-dar.

F’każ fejn il-Kap tal-Familja kien qed jirċievi l-Assistenza għal Diżimpjieg u bħalissa qed jirreġistra taħt it-Tieni Parti (wara li ġie maqtuħ mil-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Impjieg u appella l-każ mal-Awtorità Nazzjonali tax-xogħol), il-konjuġi tista’ tkun eliġibbli biex tapplika għall-Assistenza Soċjali tal-Bord. Din l-Assistenza hija soġġetta għad-deċiżjoni ta’ Bord, maħtur skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318).

L-Assistenza Soċjali tista’ tiżdied bir-rata applikabbli meta jiżdiedu membri fil-familja. Minn naħa l-oħra, jekk membru tal-familja ma jibqax jgħix fl-istess dar residenzjali ir-rata tonqos.

Fil-każ ta’ applikant li qed jgħix fi proprjetà mikrija, tingħata €1.16 fil-ġimgħa bħala allowance tal-kera flimkien mar-rata pagabbli tal-Assistenza Soċjali.

Kwalunkwe bidla fiċ-ċirkostanza, bħal bidla fl-indirizz; tfal addizzjonali; bidliet fil-kompożizzjoni tad-dar; deċiżjoni tal-bord mediku; mewt; proċeduri tal-qorti, għandha tiġi rrapportata immedjatament lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Il-benefiċjarji li għandhom aktar minn 23 sena u li jidħlu fl-Università jew l-MCAST ikomplu jirċievu l-istess assistenza sakemm l-istipendju u benefiċċji anċillari oħra riċevuti ma jaqbżux id-differenza bejn l-Għajnuna Soċjali u l-Pagi Minima Nazzjonali. Fil-każ li jeċċedi, l-ammont li jaqbeż il-Paga Minima Nazzjonali biss jitnaqqas mill-Għajnuna Soċjali.

Agħfas hawn għal Skeda ta’ Rati ta’ Benefiċċji u Assistenzi.

Eliġibbiltà​​

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

  • L-applikant huwa l-Kap tal-Familja
  • L-applikant mhux impjegat
  • Kwalunkwe dħul ma jistax jaqbeż il-massimu tar-rata tal-Assistenza Soċjali
  • L-applikant ma jistax jirreġistra għax-xogħol taħt l-Ewwel Parti għal raġuni partikolari bħal mard u l-kura tal-konjuġi
  • L-applikant għandu jissodisfa t-Test tal-Mezzi Kapitali. Ir-riżorsi kapitali għal koppja m'għandhomx jaqbżu €23,300 u €14,000 għal persuna waħda
  • Jekk koppja tirċievi Pensjoni tal-Età u l-konjuġi għandha/jkollha dritt għal Assistenza b'Diżabilità Severa, l-elegibilita' tal-Pensjoni tal-Età tkun ikkalkulata fuq id-dħul tal-familja minbarra l-intitolament li tirċievi l-konjuġi bħala Għajnuna b'Diżabilità Severa
  • Kull dħul li ġej minn Kirjiet; Interessi Bankarji minn Kapital; Stokks u Ishma; Manteniment u kwalunkwe Dħul ieħor derivat, m'għandux jeċċedi r-rata massima ta’ Assistenza Soċjali skont il-familja
  • Minn Jannar 2022 l-applikant li jirċievi Assistenza Soċjali ser jibda jieħu iż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja

Kif tapplika​

Dokumentazzjoni ġenerali:

  • Kopja tal-Karta tal-Identità
  • Kont tal-Ilma u l-Elettriku
  • Rendikonti tal-Bank (kontijiet bankarji lokali u barranin)
  • Dokumenti relattivi tal-valur ta’ kwalunkwe Ħażniet / Ishma / Bonds u d-dħul derivat minnhom
  • Valur tas-suq ta’ kull proprjetà vakanti f'Malta u / jew barra (li mhix Dar ta' Residenza u / jew Residenza tas-Sajf)
  • Kopja tal-irċevuta / kuntratt tal-kera jekk id-dar tar-residenza tkun mikrija
  • Kopja tal-kuntratt tal-kera jekk il-kera tkun ġejja minn proprjetajiet oħra
  • Kopja tal-liċenzji tas-sewqan tal-kap tad-dar u tal-konjuġi / sieħeb / sieħba
  • Dokumenti ta’ separazzjoni / divorzju jekk il-każ
  • Kopja tal-payslip tal-konjuġi / sieħeb / sieħba jekk j/taħdem

Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.

applika