Avviż​

 Content Editor

X’inhuma l-intitolamenti l-ġodda marbuta mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li qed jiġu infurzati permezz tan-Notifika Legali 201 tal-2022?

Dawn id-drittijiet il-ġodda għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u l-familji. Dawn huma l-liv tal-paternità, il-liv tal-ġenituri, il-liv tal-persuni li jindukraw u d-dritt biex jintalbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għal raġunijiet ta’ indukrar. Dawn ir-regolamenti jidħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2022.

Fil-preżent, il-liġi Maltija tipprovdi għal massimu ta’ jumejn liv tal-paternità mħallsa għal impjegati tas-settur privat, li jvarja skont is-settur, u ħamest ijiem għal impjegati tas-servizz pubbliku. Taħt dawn id-drittijiet il-ġodda, il-missirijiet jew it-tieni ġenitur ekwivalenti kif rikonoxxut mil-liġi nazzjonali se jingħataw total ta’ 10 ijiem imħallsa ta’ liv tal-paternità li għandhom jittieħdu immedjatament wara t-twelid jew l-adozzjoni ta’ tifel/tifla.

Il-liv tal-ġenituri huwa dritt individwali mogħti lil kull ġenitur għal raġunijiet ta’ twelid jew adozzjoni ta’ tifel/tifla sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb it-tifel/tifla għal perjodu ta’ 4 xhur sakemm it-tifel/tifla jkollhom 8 snin. Taħt ir-regolamenti l-ġodda, impjegat jista’ jibbenefika minn xahrejn imħallsa mill-intitolament ta’ erba’ xhur bl-istess rata stabbilita għall-intitolament tal-benefiċċju tal-mard taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. 

Il-liv tal-persuni li jindukraw huwa dritt ġdid ta’ ħamest ijiem ta’ liv annwali bla ħlas għal kull ħaddiem sabiex ikun jista’ jieħu ħsieb qraba li jkunu jeħtieġu appoġġ personali jew persuni li jgħixu fl-istess unità domestika mal-ħaddiem għal raġunijiet mediċi.

Barra minn dan, ir-regolamenti l-ġodda jistipulaw li l-impjegati bit-tfal sal-età ta’ tmien (8) snin, u persuni li jindukraw, għandhom id-dritt li jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għal raġunijiet ta’ indukrar.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.​​