Ħarsa ġenerali​

Qabel tapplika għal Liċenzja ta’ Aġenzija tal-Impjieg, jeħtieġ li tiġi implimentata l-proċedura segwenti:

1. Ippubblika 'Avviż ta' Intenzjoni' għal jum wieħed biss, f'żewġ gazzetti ta' kuljum differenti. Kopja oħra tal-'Avviż ta' Intenzjoni' għandha tiġi esposta għall-pubbliku f’post prominenti fejn ser isir in-negozju. L-'Avviż ta' Intenzjoni' irid jiġi espost għal mhux inqas minn 21 jum qabel ma ssir l-applikazzjoni. L-'Avviż ta' Intenzjoni' għandu jispeċifika l-isem, in-numru tal-karta tal-identità u l-indirizz tal-applikant. Jekk l-applikant ikun Kumpanija jew Joint Venture jrid jinkludi n-Numru/i tal-Kumpanija, l-Isem/Ismijiet tal-Kumpanija, l-indirizz irreġistrat u l-indirizz ta’ minn fejn ser jopera.

F’każ ta’ applikazzjoni bħala <iPartnership, ikunu meħtieġa l-ismijiet, in-numri tal-karta tal-identità u l-indirizzi ta’ kull sieħeb kif ukoll l-indirizz tal-post minn fejn ser joperaw l-aġenzija tal-impjieg. Huwa importanti li l-Avviż ta’ Intenzjoni ppublikat jindika li huwa skont it-Taqsima 23 tal-Att dwar is-Servizzi ta’ Impjieg u Taħriġ tal-1990 (Att XXVII tal-1990).

Jeħtieġ li tindika wkoll il-klassi tal-attivitajiet li ser jitwettqu bħal:
• Servizzi ta’ Konsulenza għar-Reklutaġġ;
• Intervisti, għażla u tqegħid tal-kandidati fil-post tax-xogħol;
• Reklutaġġ ta’ persuni barra minn Malta għall-impieg f’Malta jew fi Stat Membru tal-Unjoni Europea;
• Reklutaġġ ta’ persuni f’Malta għal impjieg f’Malta jew fi Stat Membru tal-Unjoni Europea;
• Ħruġ ta' reklami għal postijiet vakanti;
• Żamma ta’ reġistru tal-applikanti li qed ifittxu impjieg.

2. Oħroġ Dikjarazzjoni ffirmata li tikkonferma li ser topera minn uffiċċju li:
• huwa aċċessibbli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali (jekk il-post mhux aċċessibbli, indika fejn ser isiru l-intervisti għal dawn il-persuni);
• jinkludi kamra fejn jistennew l-applikanti għall-intervista;
• jinkludi kamra fejn isiru l-intervisti `l bogħod mill-kandidati l-oħra.

Din id-Dikjarazzjoni trid tinkludi l-firma oriġinali tal-Persuna Kompetenti/Direttur u għandha tinkludi l-Intestatura (Letter Head) tiegħek.

Huwa importanti li turi l-Isem u n-Numru tal-Aġenzija tal-Impjieg tiegħek fuq is-sit elettroniku tiegħek (eż. ###-sena) b’mod speċjali fil-paġna tar-reklutaġġ. Dawn iridu jiġu kkwotati f’kull korrispondenza li tagħmel mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Jekk jogħġbok, ibgħatilna wkoll il-links kollha għas-sit elettroniku tiegħek.

Għal assistenza dwar il-kumpilazzjoni tad-dokumenti li qegħdin elenkati hawn fuq, tista’ tikkuntattja l-uffiċjal tal-Aġenzija tal-Impjieg, billi ċċempel fuq 23975112 jew tibgħat imejl fuq employmentagencies.registry@gov.mt.

X’se tingħata

Konferma li l-applikazzjoni giet rċevuta bid-dettalji meħtieġa. Il-liċenzja tingħata jekk l-applikazzjoni tkun kompluta u skont ir-rekwiżiti meħtieġa.

Eliġibbiltà​​

Il-Persuna Kompetenti (il-persuna li ser tmexxi l-Aġenzija tal-Impieg) għandha:

a. tkun ta’ età ta’ mhux inqas minn 25 sena;
b. tkun ta' karattru morali tajjeb; u
c. ikollha mhux inqas minn 6 snin esperjenza f'attività li tinkludi l-ġestjoni tar-riżorsi umani; jew
d. mhux inqas minn 3 snin esperjenza f’attività li tinkludi l-ġestjoni tar-riżorsi umani u tkun fil-pussess ta' grad universitarju jew diploma f'qasam li fil-fehma tad-Direttur, ikun rilevanti għall-ġestjoni tal-aġenzija tal-impieg jew tan-negozju tal-impjieg.

Kif tapplika​

Imla l-formola onlajn u ibgħatha.
applika