Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji - Ġenitur Singlu (DSS)

Aġġornat l-Aħħar: It-Tlieta 16 Ġunju 2026

Ħarsa ġenerali

Ġenituri waħedhom bi tfal taħt it-tlieta u għoxrin (23) sena, jingħataw Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji sakemm jaħdmu mill-inqas għaxar (10) sigħat fil-ġimgħa bir-rata tal-Paga Minima Nazzjonali fis-siegħa. F’każijiet simili, ir-rekwiżit li tkun irċeviet Assistenza Soċjali għal sena fl-aħħar tliet (3) snin, ma japplikax.

X’ser​ tingħata

Ir-rata tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji mogħtija hija persentaġġ ta’ l-aħħar rata ta’ Benefiċċju Soċjali mogħti bl-esklużjoni ta’ bonuses:

 

  • 75% tar-rata tal-benefiċċju għall-ewwel sena.

  • 55% tar-rata tal-benefiċċju għat-tieni sena.

  • 35% tar-rata tal-benefiċċju għat-tielet sena.

  • 25% tar-rata tal-benefiċċju mħallsa lil min iħaddem fiċ-ċirkostanza ta’ mpjieg full-time u 12.5% fil-każ ta’ mpjieg part-time għal perjodu ta’ tliet (3) snin.

 

Il-benefiċjarji jitħallsu kull erba’ (4) ġimgħat b’lura u min iħaddem jitħallas kull tnax-il (12) ġimgħa b’lura.

 

Jekk benefiċjarju li jkun qed jirċievi it-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji jieqaf mix-xogħol, il-benefiċju jiġi mwaqqaf kemm għall-benefiċjarju kif ukoll għal min iħaddem. Jekk il-benefiċjarju jerġa jibda xogħol ieħor, it-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji titkompla tingħata minn meta twaqqaf il-benefiċju. Umbgħad l-Imgħallem il-ġdid jibda jirċievi hu l-25% jew 12.5% tar-rata tal-benefiċċju, skont jekk l-impjieg ikunx full-time jew part-time.


Ladarba jgħaddu t-tliet (3) snin tal-iskema tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji, il-benefiċjarju jista’ jkun eliġibbli għall-Benefiċċju ta’ Waqt l-Impjieg, jekk jibqa’ f’impjieg.


Kwalunkwe’ bonuses statutorji jridu jitħallsu minn min iħaddem li jkun qed jirċievi t-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċji. Il-benefiċjarju li jkun fl-iskema tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċji ma jistax jagħmel talba għad-differenza tal-bonuses statutorji lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjal, jekk il-benefiċjarju huwa mpjegata part-time jew fuq ħinijiet imnaqqsa.


Tista’ tagħmel użu minn Kalkulatur online sabiex tagħmel stima għall-intitolament tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji.

Eliġibbiltà​​

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

 

Ġenituri waħedhom li qed jirċievu Assistenza Soċjali, Assistenza għall-Qgħad jew Għajnuna għal Ġenitur Singlu u jidħlu f’xogħol bi qligħ li jaħdmu tal-inqas għaxar (10) sigħat fil-ġimgħa.


Dokumenti Meħtieġa

 

  • Dikjarazzjoni tal-Applikant/a u tal-Prinċipal. Ikklikkja hawn biex tniżżel dan id-dokument.

Kif tapplika​

Imla u ibgħat l-applikazzjoni online.

Kronoloġija

Sottomissjoni ta’ Applikazzjoni

Iċċekkjar ta’ Applikazzjoni

5 ijiem

Valutazzjoni ta’ Applikazzjoni

5 ijiem

Approvazzjoni ta’ Applikazzjoni

5 ijiem

Provvista tas-Servizz

16 - il jum

Issottometi l-applikazzjoni tiegħek

Applika