Paġna Ewlenija / Libertà tal-Informazzjoni
Libertà tal-Informazzjoni
Awtorità Pubblika: Servizz.gov
Deskrizzjoni tal-istruttura, il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Aġenzija
Servizz.gov ġiet stabbilita permezz tal-Ordni li Tistabbilixxi lil Servizz.gov bħala Aġenzija, 2016 (L.S. 595.19). L-Aġenzija sservi bħala punt ċentrali ta' kuntatt bejn is-Servizz Pubbliku u l-pubbliku, u tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi governattivi u għall-informazzjoni permezz ta' diversi kanali ta' servizz.
Il-funzjonijiet tal-Aġenzija jinkludu l-għoti ta' informazzjoni u gwida dwar is-servizzi governattivi, l-assistenza lill-individwi fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi, il-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn l-utenti tas-servizzi u l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll l-appoġġ għat-titjib kontinwu u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi.
Servizz.gov tipprovdi s-servizzi tagħha permezz ta' network ta' ċentri ta' servizz reġjonali u speċjalizzati, il-Freephone 153, pjattaformi online, kanali ta' komunikazzjoni elettronika u servizzi oħra ta' appoġġ lill-klijenti. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, l-Aġenzija taħdem mill-qrib mal-Ministeri, id-dipartimenti tal-Gvern, l-aġenziji u entitajiet oħra tas-settur pubbliku sabiex tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi u l-informazzjoni tal-Gvern.
L-Aġenzija topera taħt id-direzzjoni tal-Kap Eżekuttiv u hija organizzata f'dawn l-oqsma funzjonali ewlenin: l-Operat, Riċerka u Żvilupp, Servizzi Korporattivi u Riżorsi Umani, Finanzi u Akkwist, Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, u Relazzjonijiet Pubbliċi u Marketing.
Deskrizzjoni ġenerali tal-kategoriji ta' dokumenti li l-Aġenzija għandha (inklużi dokumenti eżenti)
Servizz.gov iżżomm dokumenti relatati mal-funzjonijiet u l-attivitajiet tagħha, fosthom dawn li ġejjin:
- dokumentazzjoni dwar l-istrateġija, il-politika u l-governanza;
- dokumentazzjoni dwar programmi u proġetti;
- dokumentazzjoni dwar id-disinn tas-servizzi u l-operat;
- dokumentazzjoni dwar it-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni;
- dokumentazzjoni dwar l-operat u teknika;
- dokumentazzjoni dwar l-akkwist, kuntratti u konformità;
- dokumentazzjoni finanzjarja;
- dokumentazzjoni dwar ir-riżorsi umani u l-amministrazzjoni;
- dokumentazzjoni relatata mas-saħħa u s-sigurtà;
- dokumentazzjoni dwar il-komunikazzjoni u l-involviment tal-partijiet interessati;
- korrispondenza u rekords relatati mal-każijiet;
- dokumentazzjoni ta' riċerka u analiżi;
- rekords arkivjali u storiċi.
Deskrizzjoni tal-manwali kollha u ta' tipi oħra ta' dokumenti simili li fihom politiki, prinċipji, regoli jew linji gwida skont liema jittieħdu deċiżjonijiet jew isiru rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-membri tal-pubbliku (inklużi entitajiet korporattivi u impjegati tal-awtorità pubblika fil-kapaċità personali tagħhom)
Servizz.gov iżżomm manwali u dokumenti simili li jirregolaw il-proċessi tagħha ta' teħid ta' deċiżjonijiet u operat, inklużi:
- proċeduri għall-għoti tas-servizzi u linji gwida dwar is-servizz lill-klijent;
- proċeduri għall-immaniġġjar tal-ilmenti u l-eskalazzjoni tagħhom;
- politiki dwar il-protezzjoni tad-data u l-governanza tal-informazzjoni;
- politiki dwar ir-riżorsi umani u proċeduri relatati;
- manwali operazzjonali relatati mal-proċessi tal-għoti tas-servizzi;
- manwali u linji gwida għas-servizzi diġitali u formoli elettroniċi;
- proċeduri u gwidi għall-utenti relatati ma' sistemi ta' ġestjoni tal-każijiet u pjattaformi tal-ICT;
- manwali li jirregolaw il-proċessi, il-kontrolli u l-operat tekniku tal-ICT;
- politiki tal-Gvern dwar l-ICT, standards ta' sigurtà u oqfsa regolatorji;
- linji gwida tekniċi u dwar l-operat interni li jappoġġjaw id-disinn u l-għoti tas-servizzi.
Dikjarazzjoni tal-informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-membri tal-pubbliku li jixtiequ jiksbu aċċess għal dokumenti uffiċjali mill-awtorità pubblika, liema dikjarazzjoni għandha tinkludi d-dettalji tal-uffiċjal jew tal-uffiċjali lil min għandhom jintbagħtu t-talbiet għal tali aċċess
It-talbiet għall-aċċess għal dokumenti uffiċjali miżmuma minn Servizz.gov għandhom isiru bil-miktub u jistgħu jiġu sottomessi:
- permezz tal-posta elettronika fuq: foi.servizz@gov.mt; jew
- b'mod elettroniku permezz tal-FOI Portal bl-użu tal-e-ID.
It-talbiet għandhom:
- jipprovdu biżżejjed informazzjoni sabiex id-dokument mitlub ikun jista' jiġi identifikat;
- jinkludu d-dettalji tal-identifikazzjoni tal-applikant kif meħtieġ mil-liġi;
- jispeċifikaw indirizz postali sabiex jintbagħtu n-notifiki skont l-Att.
Dettalji tal-Proċedura Interna tal-Ilmenti
Applikant li t-talba tiegħu għall-aċċess għall-informazzjoni tkun ġiet miċħuda, jew li ma jkunx sodisfatt bl-informazzjoni pprovduta, bil-format li bih tkun ingħatat, jew b'estensjoni tal-perjodu ta' żmien għan-notifika dwar jekk it-talba hix se tintlaqa', jista' jressaq ilment lill-Aġenzija.
L-ilmenti għandhom jiġu indirizzati lill-Uffiċjal tal-FOI tal-Aġenzija, li għandu jirreferi l-materja lill-uffiċjal responsabbli mir-reviżjoni tal-ilment. L-uffiċjal responsabbli għandu jeżamina l-ilment u jipprovdi risposta fi żmien għaxar (10) ijiem ta' xogħol mill-wasla tal-ilment.
Fejn ilment jikkonċerna deċiżjoni li ma tingħatax aċċess għall-informazzjoni mitluba, l-uffiċjal responsabbli għandu jinforma lill-applikant bir-riżultat tar-reviżjoni u, fejn id-deċiżjoni oriġinali tinżamm, jipprovdi r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Fejn ilment jikkonċerna l-format li bih tkun ingħatat l-informazzjoni jew estensjoni tal-limiti ta' żmien statutorji, u d-deċiżjoni oriġinali tibqa' fis-seħħ, l-applikant għandu jingħata spjegazzjoni għaliex l-ilment ma jistax jintlaqa'.
L-applikanti jistgħu wkoll jagħmlu użu mill-Proċedura Interna tal-Ilmenti fejn l-Aġenzija tonqos milli tikkonforma mal-perjodi ta' żmien stabbiliti taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, inkluż meta n-notifiki jew tweġibiet ma jinħarġux fil-limiti ta' żmien applikabbli. F'każijiet fejn l-aċċess għall-informazzjoni mitluba jista' jingħata iżda l-limiti ta' żmien statutorji ma jkunux ġew osservati, kwalunkwe tariffa applikabbli relatata mal-provvista ta' dik l-informazzjoni titneħħa.
L-applikanti għandhom ukoll jiġu informati bid-dritt tagħhom li jappellaw jew inkella jressqu ilment quddiem il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496 tal-Liġijiet ta' Malta).
Informazzjoni Oħra
Servizz.gov għandha tipproċessa t-talbiet u toħroġ risposta fi żmien stabbiliti taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.
Tista' tiġi imposta tariffa għall-provvista ta' aċċess għad-dokumenti. Kwalunkwe tariffa applikabbli għandha tkun limitata għall-ispiża biex id-dokument jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-applikant, inklużi l-ħin tal-ipproċessar u l-ispejjeż tar-riproduzzjoni, u m'għandhiex taqbeż €40, skont ir-regolamenti applikabbli.
Fejn il-limiti ta' żmien statutorji ma jkunux rispettati, kwalunkwe tariffa applikabbli għandha titneħħa.
Informazzjoni addizzjonali:
- L-aċċess għad-dokumenti huwa limitat għal persuni eliġibbli kif definit fl-Att;
- It-talbiet jiġu deċiżi fi żmien għoxrin (20) jum tax-xogħol, sakemm ma tingħatax estensjoni skont il-liġi;
- L-aċċess jista' jingħata permezz ta' spezzjoni, kopji, mezzi elettroniċi jew estratti, kif xieraq;
- It-talbiet jistgħu jiġu miċħuda biss skont ir-raġunijiet stabbiliti fl-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, u l-applikanti għandhom jiġu infurmati kif xieraq.
Dettalji ta' Kuntatt tal-Awtorità Pubblika
Indirizz: Servizz.gov, The Victoria Centre, Livell 2, Triq Valletta, Mosta
Posta elettronika: foi.servizz@gov.mt