Skema ta' Distribuzzjoni tal-Ikel (SFFD) (DSS)

Aġġornat l-Aħħar: It-Tlieta 16 Ġunju 2026

Ħarsa ġenerali

L-Iskema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala l-SFFD, tingħata lin-nies li huma l-iktar fil-bżonn jew vulnerabbli. L-iskema hi immirata biex tilħaq firxa wiesa’ ta' nies fil-bżonn jew vulnerabbli. Dawk li qed jibbenefikaw mill-Proġett ta’ Sapport Food 4 You li huwa kofinanzjat mill-Fond Socjali Ewropew+ tal-Unjoni Ewropea ma jkunux eliġibbli biex jibbenifikaw ukoll mill-Iskema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel.

 

Familji li huma eleġibbli għal din l-iskema se jingħataw pakkett/i tal-ikel skond id-daqs tal-familja flimkien mal-appoġġ soċjali meħtieġ.

 

Din l-iskema, minbarra li toffri għajnuna materjali lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn jew vulnerabbli,  tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

X’ser​ tingħata

Permezz ta’ din l-iskema,  jitqassmu perjodikament lil dawk eliġibbli, prodotti tal-ikel li huma tajbin għas-saħħa u li jgħinu lill-persuna sabiex iżżomm dieta bilanċjata u varjata.  

 

Il-pakkett/i tal-ikel fihom għaġin u ross, li jinkludu dawk integrali, tonn taż-żejt, ħxejjex fil-bottijiet, u polpa tat-tadam.

 

Din l-għajnuna materjali titqassam darbtejn (2) fis-sena.

Eliġibbiltà​​

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

 

  1. Persuni li jirċievu benefiċċju mhux kontributorju li jinkludu dawk il-benefiċjarji li jirċievu Assistenza għal Diżimpjieg, Benefiċċju Speċjali għall-Qgħad, Għajnuna Soċjali, benefiċjarji fuq Bord tal-Għajnuna Soċjali, u Allowance għal Ġenitur Waħdu mhux Miżżewweġ.

  2. Persuni eliġibbli għall-pensjoni mhux kontributorja, jiġifieri Pensjoni tal-Età, li jikkwalifikaw mit-Test tal-Mezzi u bi status ta’ persuni waħedhom.

  3. Persuni li jirċievu l-Benefiċċju tal-Enerġija.

  4. Persuni li jirċievu assistenzi għal diżabilità, li jinkludu Assistenza  għal Diżabilità, Assistenza għal Diżabilità Severa, Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, u Assistenza għall-Persuni b’Vista Batuta, u li ma jkunux f’impjieg.

 

Persuni residenti f’sptarijiet, istituzzjoniet, jew djar tal-anzjani kemm dawk statali kif ukoll dawk privati, mhux eliġibbli.

Kif tapplika​

Il-persuni eliġibbli m’għandhomx għalfejn jissottomettu applikazzjoni sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema, peress li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu d-dettalji neċessarji ta’ dawk li huma eliġibbli.

 

L-għajnuna materjali tiġi mqassma f’ċentri mifruxa madwar Malta u Għawdex sabiex tiffaċilita kemm jista’ jkun il-ġbir ta’ din l-għajnuna minn dawk li huma eliġibbli.

 

Dawk li jibbenefikaw minn din l-iskema se jkunu qed jirċievu ittra bil-quddiem li tgħarrafhom li huma eliġibbli, kif ukoll minn liema ċentru, id-dati u l-ħinijiet, li fihom jistgħu jiġbru l-assistenza materjali li huma intitolati sabiex jirċievu.