Reġistrazzjoni għal Warrant ta' Ħaddiem Soċjali

Aġġornat l-Aħħar: Il-Ġimgħa 03 Lulju 2026

Ħarsa ġenerali

Din l-applikazzjoni qed tiġi sottomessa skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Professjoni tas-Servizz Soċjali (Kap. 468.). Hija indirizzata lil persuni li jixtiequ jiksbu warrant sabiex jipprattikaw bħala Ħaddiema Soċjali Reġistrati f’Malta.
 

Il-proċess tal-applikazzjoni jippermetti lill-Bord dwar il-Professjoni tax-Xogħol Soċjali jivvaluta u jivverifika jekk l-applikanti jissodisfawx ir-rekwiżiti legali u professjonali stipulati. Dawn jinkludu pussess ta’ kwalifiki rikonoxxuti, osservanza ta’ standards etiċi, u kompetenza adegwata biex jipprattikaw il-professjoni. Il-warrant jista’ jingħata kif ġej:

  • wara li l-applikant ikun ipprattika bħala ħaddiem soċjali f’Malta għal perjodu ta’ sentejn; jew 

  • permezz tar-rikonoxximent ta’ warrant ta’ Ħaddiem Sojali miksub f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
     

L-għoti ta’ warrant jikkonferixxi fuq l-applikant id-dritt legali li jipprattika bħala Ħaddiem Soċjali Reġistrat f’Malta, suġġett għal konformità kontinwa mal-Att, mal-leġiżlazzjoni sussidjarja applikabbli u ma’ kwalunkwe politika rilevanti, inklużi r-rekwiżiti tal-politika dwar l-Iżvilupp Professjonali Kontinwu (CPD).

X’ser​ tingħata

Applikanti li jirnexxu, jirċievu komunikazzjoni uffiċjali mill-Bord dwar il-Professjoni tax-Xogħol Soċjali li tikkonferma l-approvazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, flimkien man-Numru tal-Warrant assenjat. Dan in-numru jikkostitwixxi l-identifikatur uffiċjali tar-reġistrazzjoni professjonali tal-ħaddiem soċjali.
 

L-ittra ta’ approvazzjoni tindika wkoll:

  • id-data tal-ewwel tiġdid tal-warrant; u 

  • l-għadd ta’ punti CPD li għandhom jiġu akkumulati sa dik id-data.
     

Wara l-ewwel tiġdid, il-warrant għandu jiġi mġedded kull sentejn skont il-politika dwar l-Iżvilupp Professjonali Kontinwu (CPD).

Fil-każ li applikazzjoni ma tiġix approvata, il-Bord jinnotifika lill-applikant kif xieraq. Dan jista’ jinkludi:

  • stedina għal laqgħa sabiex jiġu diskussi kwalunkwe nuqqasijiet jew kwistjonijiet identifikati; jew 

  • notifika formali ta’ rifjut.
     

Applikanti li l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx approvata jistgħu jikkuntattjaw lill-Bord sabiex jitolbu kjarifika addizzjonali dwar id-deċiżjoni meħuda.

Eliġibbiltà​​

Persuna tista’ tikkwalifika għall-ħruġ ta’ warrant jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • tkun ċittadin Malti jew inkella jkollha d-dritt legali li taħdem f’Malta skont il-liġi; u 

  • tkun ta’ kondotta tajba; u 

  • għandha isimha mniżżla fir-reġistru ta’ Ħaddiema Soċjali Irreġistrati; u 

  • tkun fil-pussess ta’ Grad bl-Unuri fis-Servizz Soċjali mogħti mill-Università ta’ Malta, mill-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), jew ta’ kwalifika akkademika oħra li l-Bord iqis bħala ekwivalenti; u 

  • tissodisfa lill-Bord li tkun kisbet esperjenza adegwata fil-prattika tal-professjoni tas-servizz soċjali għal perjodu aggregat ta’ mill-inqas sentejn fuq bażi full-time, jew l-ekwivalenti tiegħu fuq bażi part-time, wara li tkun temmet tali grad jew kwalifika professjonali oħra, taħt is-superviżjoni ta’ ħaddiem soċjali reġistrat. (Att dwar il-Professjoni tas-Servizz Soċjali, 2003, Artikolu 3(3)).

  • tkun applikat għall-ħruġ tal-warrant fi żmien disgħin (90) jum minn meta tkun kisbet l-esperjenza professjonali adegwata, skont il-paragrafu immedjatament preċedenti; u

  • tissodisfa lill-Bord li ma kien hemm ebda mġiba professjonali ħażina, negliġenza gravi jew inkompetenza, u li ma jkunx kiser il-kodiċi tal-etika stabbilit taħt dan l-Att.


Dokumenti Mitluba

  • Ċertifikat maħruġ mill-MQRIC li jikkonferma l-kisba ta’ kwalifika akkademika ta’ Ħaddiem Soċjali minn istituzzjoni rikonoxxuta ta’ Livell 6 jew ogħla. 

  • Transkript uffiċjali tal-kwalifika akkademika.

  • Ċertifikat tat-tlestija tal-kwalifika akkademika. 

  • Dokumentazzjoni li tikkonferma l-prattika tal-professjoni tal-Ħaddiem Soċjali.

  • Dokumentazzjoni li tikkonferma s-superviżjoni minn Ħaddiem Soċjali Reġistrat jew Warranted. 

  • Ċertifikat tal-kondotta maħruġ mill-Pulizija validu.

  • Il-kopji tad-dokumenti oriġinali sottomessi għandhom ikunu datati u ċċertifikati minn professjonist, b’dikjarazzjoni li huma kopji veri u korretti tal-oriġinali. 

  • Kwalunkwe dokumentazzjoni barranija għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni uffiċjali bl-Ingliż imwettqa minn traduttur akkreditat.

Kif tapplika​

Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.


Fl-applikazzjoni tintalab pagament online ta’ ħamsa u għoxrin ewro (€25) għar-reġistrazzjoni.

Kronoloġija

Sottomissjoni ta' Applikazzjoni

Applikazzjoni qed tiġi pproċessata

7 ijiem

Applikazzjoni Kompluta

3 xhur

Issottometi l-applikazzjoni tiegħek

Applika