Paġna Ewlenija / Aħbarijiet / Servizz.gov issa f’Għawdex

Servizz.gov issa f’Għawdex

Artiklu Cover Image

Ippubblikat nhar It-Tnejn 28 Settembru 2026

Servizz.gov kompla jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-komunitajiet bil-ftuħ tal-ewwel ċentru reġjonali tiegħu f’Għawdex. Iċ-ċentru l-ġdid jinsab fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, u b’hekk in-numru ta’ ċentri ta’ Servizz.gov madwar il-Gżejjer Maltin tela’ għal 27.

Iċ-ċentru ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana, akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv ta’ Servizz.gov, Massimo Vella. Permezz ta’ dan iċ-ċentru, ir-residenti Għawdxin issa jistgħu jingħataw assistenza u jaċċessaw mijiet ta’ servizzi governattivi taħt saqaf wieħed. Dawn jinkludu diversi benefiċċji, skemi ta’ appoġġ u assistenza.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizz.gov, Massimo Vella, qal: “Il-ftuħ taċ-ċentru f’Għawdex huwa mod ieħor kif Servizz.gov qed ikompli jersaq eqreb lejn iċ-ċittadin permezz ta’ servizz wiċċ imb wiċċ. Dan huwa servizz imfittex ħafna miċ-ċittadini u minn dawk li jagħmlu użu mis-servizzi tagħna, u għalhekk ħassejna li kien importanti li nagħmlu dan il-pass.”

Is-Sur Vella fakkar li l-komunità Għawdxija tista’ tibqa’ tagħmel użu wkoll mill-pjattaformi l-oħra ta’ Servizz.gov, fosthom il-Freephone 153, il-midja soċjali, iċ-chatbot u s-sit elettroniku tal-aġenzija, li jipprovdi aċċess għal madwar 1,200 servizz. Il-ftuħ tal-ewwel ċentru reġjonali f’Għawdex huwa pass importanti ieħor fl-impenn ta’ Servizz.gov li jagħmel is-servizzi pubbliċi aktar aċċessibbli, effiċjenti u qrib in-nies.

Aqsam dan l-artiklu: