Paġna Ewlenija / Aħbarijiet / Wiġi l-Ballottra

Ktieb ġdid għat-tfal b’Wiġi l-Ballottra

Artiklu Cover Image

Ippubblikat nhar Il-Ġimgħa 27 Novembru 2026

Wiġi l-Ballottra ressaq il-valuri tas-Servizz Pubbliku

Wiġi l-Ballottra ressaq il-valuri tas-Servizz Pubbliku lejn l-iżgħar membri tas-soċjetà permezz ta’ storja, mużika u esperjenza edukattiva mimlija kreattività. Il-ktieb il-ġdid, li kellu lil Wiġi bħala l-karattru ewlieni, tnieda b’messaġġ li ffoka fuq l-empatija, id-determinazzjoni u r-rieda li tgħin.

Din l-inizjattiva hi parti mill-viżjoni u l-ħidma tad-Dipartiment tal-PR u l-Marketing ta’ Servizz.gov, biex tassew twassal il-messaġġ tagħha lil udjenza wiesa’. Inizjattivi oħra jinkludu l-logħba ta’ realtà virtwali ‘Il-Ħajja Pass Pass’, li wkoll permezz tal-karattru ta’ Wiġi l-Ballottra, twassal informazzjoni dwar servizzi pubbliċi varji lil nies ta’ kull età.

Il-ktieb ‘Wiġi l-Ballottra’ sar b’kollaborazzjoni bejn Servizz.gov u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, b’kitba ta’ Clare Azzopardi u illustrazzjonijiet ta’ Aurora Mifsud.

Il-ktieb ħa jitqassam b’xejn lill-istudenti kollha tat-tieni sena fl-iskejjel kollha ta’ pajjiżna.

Permezz ta’ storja li t-tfal setgħu jidentifikaw ruħhom magħha, Wiġi l-Ballotra ta tifsira aċċessibbli lil tliet valuri li jsostnu l-ħidma tas-Servizz Pubbliku. L-empatija ġiet ippreżentata bħala l-ħila li nifhmu l-ħtiġijiet tal-oħrajn, id-determinazzjoni bħala l-kuraġġ li nibqgħu nippruvaw quddiem id-diffikultajiet, u r-rieda li ngħinu bħala mod kif anke ġest żgħir jista’ jagħmel differenza.

Lil hinn mill-qari u l-kreattività, l-inizjattiva offriet opportunità biex is-Servizz Pubbliku jsaħħaħ ir-rabta tiegħu mal-ġenerazzjoni żagħżugħa minn età bikrija. L-istorja, il-kanzunetta u l-maskot taw il-ħajja lil dawn il-valuri u għenu biex il-messaġġ jitwassal b’mod li jolqot lit-tfal.

L-inizjattiva wasslet messaġġ sempliċi iżda importanti: fil-qalba tas-Servizz Pubbliku hemm in-nies u l-impenn li nagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Aqsam dan l-artiklu: