Ħarsa ġenerali
Hemm ħames (5) tipi ta’ assistenzi għal persuni b’diżabilità li huma disponibbli taħt il-qafas tas-sigurtà soċjali ta’ Malta. Dawn l-assistenzi huma mfassla biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lil individwi b’diżabilità fiżika, intellettwali, sensorja, jew severa, skont l-età u l-kundizzjoni medika tagħhom. Dawn l-assistenzi jinkludu:
Assistenza għal Diżabilità - tingħata lil individwi ta’ bejn is-16 sa taħt il-65 sena li qed ibatu minn paraliżi totali jew malfunzjoni permanenti severa u totali jew inkella diżabilità totali permanenti permezz ta’ amputazzjoni, jew xort’oħra, ta’ id jew sieq. Tingħata wkoll lil persuna b’impediment fis-smiegħ u/jew fid-diskors. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ bejn 45% u 59%.
Assistenza għal Diżabilità Severa (Fiżika) - tingħata lil individwi b’diżabilità fiżika li huma kapaċi jaħdmu. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ bejn 60% u 74%.
Assistenza għal Diżabilità Severa (Intellettwali) - tingħata lil individwi b’diżabilità intellettwali u ta’ tagħlim ġenerali. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ bejn 60% u 74%.
Assistenza għal Persuna b’Vista Batuta - tingħata lil individwi ta’ 14-il sena u aktar li huma parzjalment jew kompletament viżwalment impeduti. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ il-fuq minn 50%.
Benefiċċju għal Diżabilità - tingħata lil individwi ta’ bejn l-età ta’ 16 u 65 sena li ġew iddijanjostikati b’diżabilità iżda wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ bejn 30% u 44%.
Għal dawk l-individwi bejn l-età ta’ 16 u 65 sena li ġew iddijanjostikati b’diżabilità u wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF (Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonament, id-Diżabilità u s-Saħħa), tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ ta’ 75% jew aktar, jistgħu jkunu intitolati għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa.
Il-Bord Inter-Professjonali jiddeċiedi jekk il-każ in kwistjoni jaqax fil-parametri mediċi għal ħlas ta’ dawn l-assistenzi.
Għal tfal li huma iżgħar mill-etajiet indikati hawn fuq, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jista’ jipprovdilhom ukoll Allowance tat-Tfal b’Diżabilità skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà.
Applikant li kien eliġibbli għal Allowance għat-Tfal b'Diżabilità qabel l-età ta’ sittax-il (16) sena jew f’każ ta’ Assistenza għal vista batuta età ta’ erbatax-il (14) sena, xorta jista’ jiġi eżaminat minn mill-bord Inter-Professjonali għall-eliġibilità tal-Assistenza għal Diżabilità Severa (Fiżika).
X’ser tingħata
Il-pagamenti jinħarġu kull erba’ (4) ġimgħat bil-quddiem. L-ammont tal-benefiċċju ivarja skont it-tip ta’ assistenza li tiġi mgħotija u huma soġġetti għal Skeda kurrenti ta’ Rati tal-Benefiċċji.
Ikklikkja hawn għal skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tad-diżabilità, il-Bord Inter-Professjonali juża l-qafas ICF (Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonament, id-Diżabilità u s-Saħħa) biex jiddetermina sa liema punt il-kundizzjoni ta’ persuna taffettwa l-ħajja tagħha ta’ kuljum, il-parteċipazzjoni tagħha fis-soċjetà u l-kapaċità tagħha li tiffunzjona. Il-qafas ICF, żviluppat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), jevalwa l-livell ta’ funzjonament u diżabilità ta’ persuna aktar milli jiffoka biss fuq dijanjosi medika. Ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni jiġi espress bħala klassifikazzjoni perċentwali tad-diżabilità, li tintuża biex tiġi determinata l-eliġibbiltà għal benefiċċji u assistenza relatati mad-diżabilità.
Għaldaqstant, l-eliġibbiltà għat-tipi differenti ta’ assistenza għad-diżabilità hija stabbilita fuq il-bażi ta’ fatturi bħall-età, it-tip ta’ diżabilità u r-riżultat tal-valutazzjoni medika. Id-dritt għall-assistenza mhuwiex soġġett għal means test, li jfisser li applikant xorta jista’ jikkwalifika anke jekk ikun impjegat jew jaqla’ dħul minn xogħol. Kriterji speċifiċi ta’ eliġibbiltà japplikaw għal kull tip ta’ assistenza għad-diżabilità:
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) japplikaw "Drittijiet Duplikati", fejn benefiċjarju ma jistax jirċievi żewġ pensjonijiet; benefiċċji; assistenza jew allowance fl-istess ħin, iżda l-aħjar rata ta’ pensjoni; benefiċċju; assistenza jew Allowance.
Persuna li tkun diġà qed tirċievi il-ħlas għal wieħed minn dawn l-assistenzi wara li tagħlaq sittin (60) sena, jkollha ir-rata tagħha miżjuda għall-ekwivalenti tar-rata tal-Pensjoni tal-Età.
Il-persuna tkun tbati mid-diżabilità qabel ma laħqet l-età ta’ sittin (60) sena.
Assistenza għal Diżabilità
L-applikant jrid ikollu bejn sittax-il (16) sena u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena.
L-applikant:
ikun ibati minn paraliżi totali; jew
ikun ibati minn malfunzjoni permanenti severa u totali; jew
ikun ibati minn diżabilità totali permanenti permezz ta’ amputazzjoni, jew xort’oħra, ta’ id jew sieq; jew
ikun ibati minn nuqqas ta’ smiegħ; jew
ma jkunx jitkellem.
Assistenza għal Diżabilità Severa (Fiżika) u Benefiċċju għal Diżabilità
L-Assistenza għal Diżabilità Severa tingħata lil persuni b’diżabilità u l-applikant jrid ikollu bejn sittax-il (16) sena u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena.
Assistenza għal Diżabilità Severa (Intelletwali) u Benefiċċju għal Diżabilità
Il-persuna jkollha diżabilità mentali u diżabilità fuq tagħlim ġenerali.
L-applikant jrid ikollu bejn sittax-il (16) sena u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena.
Assistenza għal Persuna b’Vista Batuta
Persuna b’diffikultà viżiva tirreferi għal min għandu l-akkutezza viżiva ċċertifikata minn oftalmologu bħala tant baxxa li ma tħallix lil persuna tagħmel xogħol li għaliha il-vista hija essenzjali.
L-applikant irid ikollu bejn erbatax-il (14) sena u anqas minn ħamsa u sittin (65) sena.
Kif tapplika
L-applikazzjonijiet għal assistenzi għal disabilità iridu jkunu sottemessi minn speċjalista kuranti billi juża r-rapport mediku online, f’isem l-applikant (aqra aktar).
Imla u ssottometti r-Rapport Mediku online.