Ħarsa ġenerali
Dawk iċ-Ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ħadmu f’Malta, jistgħu jitolbu għall-Benefiċċju għal Diżimpjieg billi jirreġistraw għax-xogħol taħt l-1 Parti tar-Reġistru tal-Qgħad ma' Jobsplus (Aġenzija tal-Impjiegi ta’ Malta).
X’ser tingħata
Kull kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mħallsa f'Malta hija ekwivalenti għal ġurnata waħda ta’ benefiċċju għal diżimpjieg. Dan il-benefiċċju jitħallas għal massimu ta’ 6 xhur, għalkemm jiddependi fuq kemm l-applikant ikun ħadem f'Malta.
Biex titlob il-benefiċċju għal diżimpjieg, l-ewwel wieħed irid jirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ Jobsplus. Barra minn hekk, meta min jagħmel it-talba ma jkollux biżżejjed kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biex jikkwalifika għall-benefiċċju għal diżimpjieg, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jkun jeħtieġ jikkonferma l-perjodi ta’ assigurazzjoni u impjieg jew xogħol għal rasu, f'pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, biex jitqies għall-ħlas tal-benefiċċju għal diżimpjieg. Biex jitħaffef dan il-proċess, l-applikant jista’ jipproduċi formola U1 biex jiċċertifika l-perjodi ta' assigurazzjoni u impjieg jew xogħol għal rasu, f'dawn l-aħħar sentejn f'pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jkun jeħtieġ ukoll l-FS3s (id-dikjarazzjoni finali tal-qligħ tal-benefiċjarju pprovduta minn min iħaddem) għall-perjodu li l-applikant ikun ħadem f'Malta.
Barra minn hekk, jekk min jagħmel it-talba jkun jixtieq ifittex xogħol f'pajjiż ieħor waqt li jkun qed jirċievi benefiċċju għal diżimpjieg, taħt ċerti kundizzjonijiet l-applikant jista’ jesporta għal darba l-benefiċċju għal diżimpjieg għal perjodu limitat ta' żmien, filwaqt li:
L-applikant irreġistra ma’ Jobsplus għal mill-inqas 4 ġimgħat wara li ġie bla xogħol. L-idea sottostanti hija li l-applikant għandu l-ewwel jeżawrixxi l-possibilitajiet kollha li jsib xogħol ġdid f'Malta qabel ma jestendi t-tfittxija f'pajjiżi oħra.
L-applikant li qed jagħmel it-talba huwa rreġistrat bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol u jrid jipprovdi dokument U2 (awtorizzazzjoni biex jesporta l-benefiċċji għal diżimpjieg) li jippermetti lir-rikorrent li jesporta l-benefiċċju għal diżimpjieg.
Fi żmien 7 ijiem wara t-tluq minn Malta, l-applikant irid jirreġistra mas-servizzi tal-impjieg tal-pajjiż li fih qed ifittex xogħol. L-applikant għandu jikkonforma mal-obbligi u l-proċeduri ta' kontroll organizzati mis-servizzi tal-impjiegi ta' dak il-pajjiż li jkun sejjer fih.
Il-persuna li qed tagħmel it-talba mbagħad tkun intitolata li tirċievi l-benefiċċju għal diżimpjieg għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data li fiha waqaf li jkun disponibbli għal Jobsplus. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jista’ jestendi dan il-perjodu sa massimu ta' 6 xhur, billi japplika b'U015 (Perjodu ta' Estensjoni tal-Esportazzjoni). Madankollu, min jagħmel it-talba għandu jipprovdi prova li wieħed għandu prospetti tajbin biex isib xogħol.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Tirreġistra għax-xogħol bħala persuna li qed tfittex xogħol taħt l-1 Parti tar-Reġistru tal-Qgħad tal-Jobsplus (jekk tirriżenja mill-impjieg tiegħek inti ma tkunx tista’ tirreġistra taħt l-1 Parti).
Ħallast 50 kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Klassi 1 jew tal-Klassi 2 - li tal-inqas waħda minnhom tħallset f'Malta.
Ħallast 20 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Klassi 1 jew tal-Klassi 2 fl-aħħar sentejn kalendarji qabel is-sena li qed tissottometti t-talba għaliha.
Kif tapplika
Ladarba persuna tibda tirreġistra mal-Jobsplus taħt l-1 Parti tar-Reġistru tal-Qgħad, it-talba għall-ħlas tal-Benefiċċju għal Diżimpjieg tibda awtomatikament.