Ħarsa ġenerali
L-Iskema Komunità u Żgħażagħ tappoġġja u tikkofinanzja inizjattivi bbażati fil-komunità li jsaħħu l-koeżjoni soċjali, itejbu l-benesseri tal-komunità, jinkoraġġixxu stil ta' ħajja attiv u jippromwovu l-involviment attiv taż-żgħażagħ fil-ħajja komunitarja f'Għawdex. L-iskema għandha l-għan li tappoġġja attivitajiet li joħolqu benefiċċju soċjali ċar u li jikkontribwixxu għal komunitajiet aktar b'saħħithom u inklużivi.
L-għanijiet ewlenin tal-iskema huma:
• Tappoġġja inizjattivi komunitarji inklużivi għall-benefiċċju tar-residenti Għawdxin.
• Tippromwovi l-parteċipazzjoni fl-isport, l-attività fiżika u stili ta' ħajja sani.
• Tinkoraġġixxi l-involviment taż-żgħażagħ, il-volontarjat u l-parteċipazzjoni ċivika.
• Tappoġġja inizjattivi li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' persuni vulnerabbli, inklużi anzjani, persuni b'diżabilità u komunitajiet soċjalment esklużi.
• Issaħħaħ il-parteċipazzjoni fil-komunità permezz ta' attivitajiet mhux kummerċjali u ta' interess pubbliku.
L-iskema topera permezz ta' żewġ fergħat:
Fergħa 1: Inizjattivi ta' Ħajja Attiva u Sport tappoġġja attivitajiet li jippromwovu l-isport, l-attività fiżika, stili ta' ħajja sani u parteċipazzjoni attiva fil-komunità.
Fergħa 2: Inizjattivi ta' Appoġġ għall-Komunità tappoġġja inizjattivi li jsaħħu l-inklużjoni soċjali, l-involviment taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni komunitarja u l-benesseri soċjali.
X’ser tingħata
L-applikanti magħżula jistgħu jirċievu għotja finanzjarja biex jappoġġjaw spejjeż eliġibbli relatati direttament mal-implimentazzjoni ta' inizjattivi immirati għall-komunità jew għaż-żgħażagħ. Il-finanzjament jingħata fuq bażi kompetittiva u huwa suġġett għall-eliġibilità, l-evalwazzjoni u l-fondi disponibbli.
Finanzjament Disponibbli
• Għotjiet Żgħar: sa €5,000
• Għotjiet Standard: minn €5,001 sa €10,000
Rata ta' Finanzjament
L-għotja tista' tkopri bejn 60% u 80% tal-ispejjeż eliġibbli, skont il-punteġġ miksub matul l-evalwazzjoni.
Spejjeż Eliġibbli Jistgħu Jinkludu:
• Ħlasijiet għal trainers, faċilitaturi, coaches u koordinaturi.
• Kiri ta' postijiet u faċilitajiet.
• Tagħmir u materjal meħtieġ għall-attività approvata.
• Spejjeż ta' trasport, ivvjaġġar u akkomodazzjoni.
• Materjal edukattiv u għal attivitajiet.
• Attivitajiet ta' komunikazzjoni, promozzjoni u attivitajiet ta’ involviment tal-komunità relatati direttament mal-inizjattiva.
Eliġibbiltà
L-iskema hija miftuħa għal applikanti bbażati f'Għawdex li jipproponu attivitajiet mhux ekonomiċi u li jipprovdu benefiċċju ċar għall-pubbliku.
L-applikanti eliġibbli jinkludu:
• Individwi li japplikaw f'isimhom.
• Organizzazzjonijiet volontarji, NGOs, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi.
• Istituzzjonijiet reliġjużi u parroċċi.
• Istituzzjonijiet edukattivi privati u tal-Knisja.
• Kunsilli Lokali.
L-applikanti għandhom ikunu bbażati f'Għawdex u l-inizjattiva trid tiġi implimentata f'Għawdex għall-benefiċċju tar-residenti.
Mhux Eliġibbli
• Ministeri, dipartimenti, awtoritajiet u aġenziji tal-Gvern.
• Skejjel statali u istituzzjonijiet edukattivi tal-Istat.
• Applikanti li jwettqu attivitajiet ekonomiċi jew għall-profitt.
Kundizzjonijiet Importanti
• Il-proġetti għandhom jibdew biss wara l-approvazzjoni uffiċjali tal-finanzjament.
• Il-proġetti għandhom jitlestew fi żmien massimu ta' 12-il xahar mill-approvazzjoni.
• L-istess spejjeż ma jistgħux jiġu ffinanzjati aktar minn darba minn fondi pubbliċi differenti.
Kif tapplika
L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu aċċessati fuq https://ghawdex.gov.mt/servizzi/ jew permezz tal-applikazzjoni MyGozo u għandhom jiġu sottomessi online.
Kronoloġija
Sottomissjoni
Valutazzjoni u Reviżjoni
22 jum
Reviżjoni tal-Eliġibbiltà
10 ijiem
Approvazzjoni
10 ijiem