Benefiċċju tal-Leave tal-Ġenituri għall-Persuni li jaħdmu għal rashom (DSS)

Aġġornat l-Aħħar: Il-Ħamis 03 Settembru 2026

Ħarsa ġenerali

B’effett mill-1 ta’ Jannar 2026, ġenituri li jaħdmu għal rashom u anke ġenituri addottivi u Foster Parents li jaħdmu għal rashom, huma intitolati għal erba’ (4) xhur Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni għal kull wild, li jrid jittieħed sakemm it-tifel/tifla ikun/tkun għalaq/għalqet it-tmien (8) snin. L-ewwel xahrejn (2) jew tmien (8) ġimgħat ta’ leave tal-ġenituri imħallas mhumiex trasferibbli bejn il-ġenituri u huma eliġibbli għall-ħlas tal-benefiċċji. Filwaqt li t-tieni xahrejn (2) jew tmien (8) ġimgħat ta’ leave tal-ġenituri bla ħlas jistgħu jiġu trasferiti bejn il-ġenituri, iżda ma jitħallas ebda benefiċċju.

 

Dan il-leave tal-ġenituri se jitħallas f’forma ta’ benefiċċju mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għal perjodu ta’ ġimgħatejn (2) kull darba bir-rata ekwivalenti għar-rata tal-miżżewġin stabbilita għall-Benefiċċju tal-Mard għal dik is-sena ta’ meta jittieħed il-leave tal-ġenituri. 

 

Applikanti eliġibbli iridu japplikaw għall-Benefiċċju tal-Leave tal-Ġenituri permezz ta’ applikazzjoni online sottomessa lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju se jiġu kkunsidrati b’lura mill-1 ta’ Jannar 2026.

X’ser​ tingħata

Taħt din l-iskema, ġenituri li jaħdmu għal rashom jitħallsu sa massimu ta’ tmien (8) ġimgħat ta’ Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni  wara t-twelid/adozzjoni tat-tifel/tifla wara li japplikaw permezz ta’ applikazzjoni speċifika online għal dan il-benefiċċju. Il-ħlas isir skont ir-rati ta’ benefiċċji applikabbli mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali meta l-ġenitur jirritorna għax-xogħol. Għandha ssir talba għal Benefiċċju u għal kull wild kif ġej:

  • Ħamsin fil-mija (50%) jew erba' (4) ġimgħat tad-dritt imħallas għal-leave tal-ġenituri sa meta t-tifel/tifla ikollu/ikollha erba' (4) snin;

  • Ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) jew ġimagħtejn (2) tad-dritt imħallas għal-leave tal-ġenituri sa meta t-tifel/tifla ikollu/kollha bejn ħames (5) u sitt (6) snin, u

  • Ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) jew ġimagħtejn (2) tad-dritt imħallas għal-leave tal-ġenituri sa meta t-tifel/tifla ikollu/ikollha bejn seba’ (7) u tmien (8) snin.

 

L-istess kundizzjonijiet relatati mal-età japplikaw għal tfal adottati jew fostered.

 

Ikklikkja hawn għal skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.

Eliġibbiltà​​

  • Il-ġenitur li jagħmel it-talba i/trid ikoll/u/ha l-kura u l-kustodja legali u effettiva tal-wild/ulied li fuqhom issir it-talba għall-Benefiċċju tal-Leave tal-Ġenituri.

     

  • Il-ġenitur li jagħmel it-talba irid ikun benefiċjarju tal-Allowance tat-Tfal/Adozzjoni jew tal-Fostering minn Malta.

 

  • L-ulied li fuqhom tista’ issir it-talba iridu jkunu residenti f’Malta flimkien mal-ġenitur/i li jkun/u qed jagħmel/lu t-talba.

     

  • L-ulied li fuqhom tista’ issir it-talba iridu jkunu twieldu jew ġew adottati jew ġew Fostered mill-1 ta’ Jannar 2026, ‘il quddiem.

     

  • Il-ġenitur li jagħmel it-talba irid ikun persuna li taħdem għal rasha għal perjodu mhux inqas minn sitt (6) xhur immedjatament qabel il-perjodu ta’ Leave tal-Ġenituri meħud fuq il-wild jew ulied.

 

  • It-talba trid issir mhux iktar tard minn sitt (6) xhur mid-data tar-ritorn lejn ix-xogħol wara li jkun ittieħed il-Leave tal-Ġenituri.

     

  • Irid ikun hemm evidenza ta’ ħlas ta’ almenu għoxrin (20) kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali imħallsa fl-aħħar sentejn (2) immedjatament qabel id-data tal-bidu tal-Leave tal-Ġenituri.

  • Il-Leave tal-Ġenituri irid jittieħed għall-perjodi ta’ mhux inqas minn ġimgħatejn konsekuttivi skont l-allokazzjonijiet tal-leave marbuta mal-età tal-ulied.

 

Xenarji Oħra

  • Il-Benefiċċju tal-Leave tal-Ġenituri jista’ jkun dovut ukoll lill-ġenituri eliġibbli li jaħdmu għal rashom part-time jekk ma jkunx hemm attività ta’ xogħol oħra assigurabbli sew bħala impjegati jew xogħol għal rashom full-time fl-istess ħin. L-istess kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali huma applikabbli għal impjieg part-time.

 

Dokumentazzjoni meħtieġa

 

  • L-applikanti jridu jissottomettu kopja ta’ irċevuti uffiċċjali li jikkorrespondu għal ħlas ta’ almenu għoxrin (20) kontribuzzjoni tat-Tieni Klassi imħallsa fl-aħħar sentenjn (2) kalendarji qabel id-data tal-bidu tal-Leave tal-Ġenituri meħud fuq il-wild marbut ma’ din it-talba.

     

  • Applikanti ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN) u/jew taċ-Ċarter Soċjali Ewropew  u/jew bl-istatus ta’ Refuġjati, li huma residenti ordinarji f’Malta iridu jissottomettu kopja tal-Permess ta’ Residenza valida.

 

  • Jekk it-twelid tal-wild ma jkunx reġistrat uffiċċjalment ma’ Reġistru Pubbliku ta’ Malta, jew inkella jekk it-twelid isir barra minn Malta, trid tiġi pprovduta kopja ta’ ċertifikat uffiċċjali tat-twelid maħruġ mill-awtorità kompetenti barranija flimkien ma traduzzjoni verifikata tad-dokument bl-Ingliż tal-istess ċertifikat.

 

  • F’każ li applikant ikun ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN) li jkun miżżewwġ ċittadina tal-Unjoni Ewropea, ikun hemm bżonn kopja uffiċċjali taċ-ċertifikat taż-żwieġ.

     

  • F’każ li applikant ikun ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN) li jkun jikkoabita ma ċittadina Maltija jew tal-Unjoni Ewropea, l-applikant irid jipprovdi kopja ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuta ta’ Malta  ta’ koabitazzjoni, inkella ma jkunux eliġibbli għal benefiċċju għal-Leave tal-Ġenituri. F’każ ta’ koabitazzjoni bejn koppji ċittadini Maltin jew tal-Unjoni Ewropea li huma residenti f’Malta, iċ-ċertifikat ta’ koabitazzjoni m’huwiex neċessarju.

Kif tapplika​

Jekk jogħġbok innota li s-servizz tal-applikazzjoni online ser jitnieda dalwaqt.