Pensjoni tas-Servizz (DSS)

Aġġornat l-Aħħar: It-Tlieta 16 Ġunju 2026

Ħarsa ġenerali

Pensjoni tas-Servizz tingħata lil:

 

  • Persuna li tkun bdiet taħdem mas-Servizz Pubbliku ta’ Malta qabel il-15 ta’ Jannar 1979 f’kariga pensjonabbli taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap. 93.).

  • Membri tal-Korp tal-Pulizija taħt l-Att dwar il-Pulizija (Kap. 164.)

  • Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta (Kap. 220.)

  • Membri tal-Protezzjoni Ċivili taħt l-Att dwar il-Protezzjoni Ċivili (Kap. 411.).

  • Membri tas-Servizz Korrettivi taħt l-Att dwar il-Ħabs (Kap. 260.).

  • Nisa romol ta’ uffiċjali pubbliċi li kienu f’kariga pensjonabbli u li kienu jikkontribwixxu għal din l-iskema tar-Romol u Orfni taħt l-Att dwar il-Pensjonjiet lil Nisa Romol u Tfal Iltiema (Kap. 58.).

  • Membri Parlamentari taħt l-Att dwar il-Pensjoni tal-Membri tal-Parlamnt (Kap. 280.).

  • Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali taħt l-Att dwar il-Pensjonijiet tal-Membri tal-Ġudikatura (Kap. 564.).

  • Segretarju tal-Kabinett taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap.93.).

  • Segretarju Permanenti Ewlieni taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap. 93.).

  • Segretarji Permanenti taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap.93.).

X’ser​ tingħata

Il-pensjoni tas-servizz titħallas kull xahar u ma tkunx aktar minn żewġ terzi (⅔) tas-salarju li kien jirċievi l-uffiċjal li huwa intitolat għall-Pensjoni tas-Servizz.

 

Għal min jikkwalifika, minn Jannar tal-2026, żieda ta’ mitejn ewro (€200) se tiġi applikata għall-pensjoni komutata tas-servizz għal dawk il-pensjonanti tas-servizz li jirċievu wkoll pensjoni tas-sigurtà soċjali, biex it-total jilħaq tlett elef, tmien mija u sitta u sittin ewro (€3,866). Għal pensjonanti tas-servizz li jilħqu l-età ta’ tnejn u sebgħin (72) sena, l-ammont kollu kkalkulat mill-pensjoni tas-servizz se jiġi injorat.Irid jingħad li l-pensjoni tas-servizz ma tiżdiedx għal min jikkwalifika imma tiżdied tal-pensjoni kontributorja.

 

Għal aktar informazzjoni, ikklikkja hawn biex taċċessa l-Manwal tal-Pensjoni tas-Servizz.

Eliġibbiltà​​

Uffiċjali li jikkwalifikaw għal Pensjoni tas-Servizz huma:

 

  • Uffiċjali tal-Gvern li ġew impjegati mal-Gvern qabel il-15 ta' Jannar 1979 u kienu appuntati f’kariga pensjonabbli u li jkunu ħadmu għal aktar minn għaxar (10) snin.

  • Membri tal-Korp tal-Pulizija, tal-Forzi Armati ta’ Malta,tas-Servizzi Korrettivi u tal-Protezzjoni Ċivili wara li jkunu ħadmu għal aktar minn għaxar (10) snin.

  • Romol ta’ uffiċjali pubbliċi li kellhom kariga pensjonabbli u li kkontribwixxew għall-iskema tal-pensjoni tar-Romol u Orfni.

  • Membri Parlamentari wara li jservu aktar minn żewġ (2) leġiżlaturi, li mhux neċessarjament ikunu konsekuttivi.

  • Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali wara tkomplija ta’ għaxar (10) snin servizz.

  • Segretarju tal-Kabinett li jrid ikollu mill-anqas għaxar (10) snin servizz fis-Servizz Ċivili, li minnhom mill-anqas term wieħed f’din il-pożizzjoni.

  • Segretarji Permanenti Ewlieni li servew għal perjodu rispettiv sħiħ wieħed.

  • Segretarji Permanenti li jrid ikollhom mill-anqas għaxar (10) snin servizz fis-Servizz Ċivili, li minnhom mill-anqas għamlu term wieħed f’din il-pożizzjoni.

 

Dokumentazzjoni meħtieġa

  • Il-formola li għandha tintuża għall-għotja ta' pensjoni u gratifikazzjoni (jekk applikabbli) hija l-GP 61.

  • Dikjarazzjoni li l-individwu m’għandu l-ebda każijiet pendenti ta’ dixxiplina.

Kif tapplika​

Id-dokumenti tal-pensjoni u ta’ gratifikazzjoni ta’ uffiċjal li se jirtira meta jilħaq il-limitu tal-età, għandhom jintbagħtu lis-Central Registry tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, mid-Dipartiment rispettiv tal-uffiċjal pubbliku, mhux aktar tard minn tliet (3) xhur qabel id-data tal-irtirar.

 

Ta’ min jinnota li l-kontenut ta’ din l-informazzjoni u l-Manwal tal-Pensjoni tas-Servizz huma għal skopijiet ta’ informazzjoni biss u m’għandhom l-ebda saħħa legali.

Kronoloġija

Sottomissjoni ta’ Applikazzjoni

Ġurnata

Applikazzjoni Kompluta

Xahrejn