Ħarsa ġenerali​

L-Iskema Boroż ta’ Studju fl-Isports għandha l-għan li tistimula l-promozzjoni tal-isport fuq livell professjonali, u li tippromwovi l-iżvilupp ta’ atleti bi prestazzjoni tajba li eventwalment se jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali. It-titijb tal-istatus tal-isports f’Malta mhux biss se jġib miegħu rikonoxximent internazzjonali usa’ b’benefiċċju ekonomiku pożittiv għall-industrija tat-turiżmu, iżda se jinkoraġġixxi wkoll l-ipprattikar tal-isport u l-attività fiżika mill-pajjiż kollu, li se jirriżulta f’titjib ġenerali fis-saħħa u l-benessri tal-popolazzjoni kollha.

X’se tingħata

Il-possibilità li tibbenefika minn borża ta’ studju.

Eliġibbiltà​​

L-Iskema Boroż ta’ Studju fl-Isports hija mmirata lejn studenti li jaqgħu taħt żewġ kategoriji ewlenin:

a) Skema ta’ Speċjalizzazzjoni fl-Isport: atleti li beħsiebhom jiksbu kwalifika professjonali biex jispeċjalizzaw u/jew itejbu l-livell tal-ħila u l-prestazzjoni tagħhom fil-qasam tal-isport tagħhom jew biex javvanzaw fil-karriera tagħhom fl-ikkowċjar u fit-tħarriġ tal-oħrajn.

b) Skema għal Kwalifika Professjonali u Vokazzjonali: Studenti li beħsiebhom jiksbu kwalifika akkademika fil-qasam tal-isport ma’ Istituzzjoni tal-Edukazzjoni Għolja Rikonoxxuta.

L-iskema tapplika wkoll għal applikanti minn 11-il sena ‘l fuq. F’dawn il-każijiet, il-kustodju legali tagħhom għandu jkun marbut li jiffirma dikjarazzjoni separata li tikkonferma li l-minorenni se jkompli jsegwi l-edukazzjoni obbligatorja matul il-perjodu tal-Borża ta’ Studju. F’dan il-każ, il-ġenituri u l-kustodji legali għandhom japplikaw f’isem it-tfal tagħhom.

Barra minn hekk, l-applikanti li jingħataw Borża ta’ Studju fl-Isport għandhom ikunu disponibbli biex jibdew il-programm/kors/kwalifika tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena rispettiva.

Kif tapplika​

Meta tiftaħ sejħa għall-boroż ta’ studju, l-applikanti għandhom jaċċessaw ir-regolamenti, jaqrawhom bir-reqqa, u jimlew u jissottomettu l-formola ta’ applikazzjoni online disponibbli fuq is-sit https://education.gov.mt/myscholarships/.   Din jeħtieġ li timtela u tiġi sottomessa sad-data tal-għeluq speċifikata fir-regolamenti tal-iskema rispettiva. Huwa importanti li l-applikanti jkollhom kont attiv tal-eID.

Dokumenti meħtieġa:
i) Curriculum Vitae (CV);
ii) Dikjarazzjoni ta’ Evalwazzjoni/Rikonoxximent maħruġa mill-MFHEA;
iii) Kopja tat-Traskrizzjoni jew il-Kwalifiki;
iv) Ittra ta’ Aċċettazzjoni bla Kundizzjoni;
v) Formola ta’ nomina ffirmata mill-Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Isport jew il-Klabb li j/tirrappreżentak;
vi) Ċertifikat ta’ evidenza tal-parteċipazzjoni tal-applikant fi skema ta’ żvilupp taż-żgħażagħ għal mill-inqas 3 snin
vii) Karta maħruġa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) (Jekk applikabbli);
viii) Rapport tal-Profil Personali, jekk ikun hemm, esperjenza ta’ xogħol jew servizz volontarju fl-Isport skont il-mudell mehmuż mar-regolamenti.
 (Il-mudell huwa disponibbli fuq is-sit);
ix) Dikjarazzjoni ffirmata mill-Ġenituri/Kustodji li tikkonferma li l-applikant se jkompli bl-edukazzjoni obbligatorja (jekk l-applikant ikun taħt is-16-il sena fid-data tal-għeluq tal-applikazzjoni);

 

applika