Lenti fuq l-Iżvilupp ta’ Wliedna (magħruf bħala LENTI) huwa programm nazzjonali ta’ screening bikri li jgħin biex jiġu identifikati possibiltajiet ta’ dewmien fl-iżvilupp, diffikultajiet fit-tagħlim, u/jew ħtiġijiet edukattivi fit-tfal sabiex ikunu jistgħu jingħataw appoġġ qabel ma jibdew l-edukazzjoni fis-snin bikrin.
L-istediniet jintbagħtu lill-ġenituri/kustodji tat-tfal meta dawn jagħlqu 24 xahar (l-età ta’ sentejn) biex jipparteċipaw fl-iscreening tal-LENTI mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni (MEYR). L-iscreening isir permezz ta’ għoxrin (20) mistoqsija dwar it-tifel/tifla minn professjonist miċ-Ċentru tad-Diskors u l-Lingwa (SLC), mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva (MHA).
Il-programm LENTI jaddotta approċċ preventiv biex jidentifika u jindirizza kemm jista’ jkun malajr xi diffikultajiet potenzjali fit-tfal, li jirriżultaw minn dewmien fl-iżvilupp. L-iscreening ma jipprovdix evidenza konklussiva ta’ dewmien fl-iżvilupp u mhux ser jirriżulta f’dijanjożi immedjata. Jista’, madankollu, jgħin biex jidentifika xi diffikultajiet illi jistgħu iwasslu għal dijanjożi bikrija permezz ta’ aktar valutazzjoni fid-dettall mit-tim speċjalizzat tagħna.
Dan is-servizz għandu l-għan li:
- jagħmel l-iscreening bikri lit-tfal kollha ta’ 24 xahar qabel ma jibdew l-edukazzjoni bikrija, biex jevalwa kwalunkwe dewmien fil-komunikazzjoni, fil-ħiliet soċjali u fil-moviment;
- jikkoordina u jiffaċilita il-proċess li jwassal għas-servizzi ta’ appoġġ disponibbli għat-tfal;
- iżid l-aċċess għal servizzi xierqa u f’waqthom sabiex titnaqqas il-ħtieġa għal intervent aktar intensiv iktar-tard fil-ħajja tat-tifel/tifla.
L-iscreening isir f’forma ta’ kwestjonarju qasir mal-ġenituri/kustodji, fejn dawn jipprovdu tweġibiet għal numru ta’ mistoqsijiet stabbiliti (M-CHAT). It-tweġibiet tal-kwestjonarju ma jipprovdux evidenza konklussiva ta’ xi dewmien jew diffikultajiet, u lanqas ma jipprovdu dijanjosi immedjata, madankollu jgħinu sabiex jiġu identifikati diffikultajiet possibbli li jistgħu jwasslu għal dijanjosi bikrija permezz ta’ aktar valutazzjoniji fil-fond.
It-tfal kollha bejn l-età ta’ 24 xahar u 30 xahar, wara li jirċievu stedina biex jipparteċipaw fil-programm Lenti fuq l-Iżvilupp ta’ Wliedna mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni (MEYR).
L-istediniet jintbagħtu lill-ġenituri/kustodji biex jipparteċipaw fil-programm ta’ screening. Madankollu, jekk it-tfal ikollhom 24 xahar u ma jkunux għadhom ipparteċipaw f’dan il-programm ta’ skrinjar, il-ġenituri/kustodji jistgħu iċemplu liċ-Ċentru tad-Diskors u l-Lingwa (SLC) bejn it-8:00am u s-2:00pm (mit-Tnejn sal-Ġimgħa) fuq 21230822, jew permezz ta’ ittra elettronika (imejl) lil [email protected] bl-informazzjoni kollha meħtieġa.
Il-ġenituri/kustodji għandhom jimlew Formola ta’ Kunsens biex jipparteċipaw fl-appuntament tal-iscreening.
Ikklikkja hawn biex tniżżel il-Formola ta’ Kunsens (PDF)