Ħarsa ġenerali​

Din il-formola tagħtik il-facilità bħala sid tal-vettura (jew delegat fuq dik il-vettura), li tassenja vetturi partikolari li mhumiex użati direttament minnek, lis-sewwieq maħtur. Funzjonalità bħal din hija partikolarment utli f'każijiet fejn vettura hija dejjem misjuqa minn sewwieq partikolari (li ma jkunx sid il-vettura) u lejn persuni li jkollhom aktar minn vettura waħda lliċenzjata f'isimhom.

Din il-formola għandha tintbagħat minn fuq is-sit les.gov.mt, id-dettalji tas-sewwieq maħtur iridu jiġu mdaħħla u trid tittella' l-Liċenzja tas-Sewqan tas-sewwieq. Wara dan il-proċess ikollok bżonn torbot il-vettura mas-sewwieq maħtur fejn int tkun mitlub li tehmeż din il-formola tad-Dikjarazzjoni.

Ladarba jitlesta dan il-proċess, b'effett minn dik id-data, il-kontravvenzjoni tinħareġ awtomatikament f'isem is-sewwieq maħtur indikat bħala s-sewwieq attwali bil-kundizzjoni li jingħataw dettalji sħaħ u d-dokumenti relattivi huma mehmuża.

Dan il-proċess japplika biss fuq kontravvenzjonijiet relatati mal-punti penali fejn is-sewwieq tal-vettura ma jkunx imwaqqaf bħal filkaż ta' kontravvenzjonijiet maħruġa minn Speed Cameras u CCTVs, u b'hekk ma jkunx hemm bżonn li timtela l-formola l-oħra tal-Punti Penali.

Fuq kontravvenzjonijiet oħra relatati mal-punti penali, jew kontravvenzjonijiet li nħarġu minn Speed Cameras u CCTVs qabel din l-applikazzjoni, iridu jiġu assenjati fuq is-sewwieq billi timtela d-dikjarazzjoni dwar il-Punti Penali.

Dikjarazzjoni falza tiġi meqjusa bħala att kriminali u jistgħu jittieħdu passi ulterjuri.

X’se tingħata

Is-sid tal-vettura jkun jista' jassenja vettura lill-persuna li ssuq il-vettura kuljum. Kwalunkwe punti penali applikabbli jkunu attribwibbli lis-Sewwieq rispettiv fuq il-Kontravvenzjonijiet tal-Veloċità eċċessiva u CCTV biss.

Eliġibbiltà​​

Kull sid irreġistrat ta' vettura jista' jassenja xufier maħtur sakemm huwa jibqa' s-sid ta' dik il-vettura u d-dokumentazzjoni meħtieġa tkun provduta.

Kif tapplika​

"Imla l-formola onlajn, ipprintjaha u ffirmaha. Din il-formola għandha tiġi ffirmata kemm mis-sid tal-vettura kif ukoll mis-sewwieq tal-vettura.

Idħol fuq is-sit les.gov.mt u agħżel 'Sewwieq Maħtur' mill-'Punti Penali tal-Liċenzja tas-Sewqan'. Wara agħżel 'Ikklikkja hawn biex taħtar Sewwieqa', agħżel 'Żid Sewwieq Maħtur' u imla d-dettalji mitluba fis-sistema u ehmeż id-dokumentazzjoni meħtieġa (liċenzja tas-sewqan tas-sewwieq). L-imejl huwa mandatorju sabiex tkun tista' tintbagħat notifika lis-Sewwieq Maħtur, li hu/hi nħatar bħala xufier ta' dik il-vettura partikolari mis-sid tal-vettura.

Ladarba jinħatar is-sewwieq ikollok bżonn tagħfas fuq il-buttuna 'Agħżel' taħt it-titlu tal-'Vettura Assenjata'. Agħżel il-vettura li għandek il-ħsieb li torbot mas-sewwieq rispettiv, imla d-dettalji mitluba mis-sistema u żid id-dokumentazzjoni meħtieġa u tella' din il-formola. F'każijiet fejn il-vettura tkun mikrija, huwa importanti li l-kuntratt jew il-ftehim bil-kitba jiġi anness mad-dikjarazzjoni.

Għal iżjed informazzjoni dwar kif tappunta sewwieq, żur l-FAQs fuq s-sit les.gov.mt.

applika