Ħarsa ġenerali​

Id-Domiciliary Nursing hu mmirat sabiex jagħti servizz ta’ infermiera jew assistenza medika fid-dar. Dan is-servizz, li hu bbażat fil-komunità, huwa pprovdut u kkoordinat mit-Taqsima tal-CommCare u jaħseb għall-ħtiġijiet tal-klijent b’mod personali u ħolistiku, fejn jintuża metodu tal-immaniġġjar tal-każ. Dan jintlaħaq billi l-membri kollha tat-tim jiġu nvoluti u fejn ikun hemm bżonn, jiġu nvoluti wkoll professjonisti u entitajiet oħra. Dan is-servizz jista’ jintuża wkoll ma’ servizzi oħra tas-saħħa u oħrajn soċjali li huma meħtieġa f’kull komunità.

X’se tingħata

Meta każ jiġi riferut, dan jiġi eżaminat minn professjonisti li jiddistingwu bejn każijiet sempliċi ta’ żjarat li jsiru fid-djar u dawk il-każijiet aktar komplessi li jeħtieġu aktar impenn intens mit-tim.

Klijenti li jkollhom ħtiġijiet aktar komplessi rigward is-saħħa jkollhom żjara fid-dar u jsir assessjar bir-reqqa. Ladarba il-ħtiġijiet tagħhom jiġu identifikati, pjan ta’ kura jiġi mfassal bil-kollaborazzjoni tal-klijenti, familji tagħhom u ma’ persuni li jaħdmu b’mod volontarju mal-klijenti.

Persuna li tirċievi kura mill-CommCare tiġi eżaminata skont il-bżonn. CommCare għandhom l-awtorità li ma jaċċettawx referenzi mhux addattati u hija responsabbli li tiddeċiedi fuq l-għoti tas-servizz u l-frekwenza tat-trattament.

Eliġibbiltà​​

  • Klijenti li ma jistgħux joħorgu barra minn djarhom mingħajr assistenza; jew
  • Klijenti li jkunu rilaxxati mill-isptar minħabba kura akuta u li għandhom bżonn kura għal żmien qasir jew għal żmien twil; u li ma jistgħux jattendu ċentri tas-saħħa jew kliniċi periferali; jew
  • Klijenti li għandhom bżonn preparazzjoni qabel operazzjoni; jew
  • Klijenti li jeħtieġu trattament li ma jistax isir kif suppost f’ċentri tas-saħħa jew kliniċi

Kif tapplika​

  • Applikazzjoni mimlija inkluż ir-rapport mediku ffirmat mit-tabib tal-klijent. Ikklikkja hawn biex tniżżel ir-Rapport Mediku.
  • Ittra medika riċenti tar-rilaxx tal-klijent imsejħa case summary, jew referenza riċenti mit-tabib. Din ir-referenza medika trid tinkludi d-dettalji kliniċi tal-klijent u l-istorja medika jew kirurġika tiegħu, is-servizz meħtieġ u l-frekwenza, u lista ta’ mediċini/medikatura li l-klijent ikollu bżonn sabiex l-infermiera tkun tista’ tipprovdi s-servizz

Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.

applika