Ħarsa ġenerali​

L-għan tas-sistema EORI (Identifikazzjoni tar-Reġistrazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi) huwa li jippermetti lil kull operatur ekonomiku li jinteraġixxi direttament mal-awtoritajiet doganali fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE, biex jiġi provdut b’numru ta' referenza uniku. Dan in-numru ta' referenza huwa validu fl-Unjoni Ewropeja kollha u jservi bħala referenza komuni għall-interazzjoni tal-operatur ekonomiku mal-awtoritajiet doganali ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE.

Din is-sistema ilha tintuża mill-operaturi ekonomiċi fid-dikjarazzjoni doganali kollha mill-1 ta' Lulju 2009. Dan in-numru jintuża wkoll għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-UE u fejn xieraq, bejn id-dwana u awtoritajiet oħra, pereżempju l-awtoritajiet tal-istatistika.

X’se tingħata

L-Identifikazzjoni tar-Reġistrazzjoni tal-Operatur Ekonomiku (EORI) hu numru uniku fl-Unjoni Ewropea, mogħti minn awtorità doganali jew awtorità jew awtoritajiet nominati fi Stat Membru tal-UE lil operaturi ekonomiċi u persuni oħra. Billi jirreġistraw fi Stat Membru wieħed tal-UE, l-operaturi jistgħu jiksbu numru EORI li huwa validu fl-Unjoni kollha.

Biex jibbenefikaw bis-sħiħ minn din ir-riforma, id-detenturi għandhom jużaw in-numru EORI ladarba jkun ġie assenjat lilhom, fil-komunikazzjonijiet kollha ma' kwalunkwe awtoritajiet doganali tal-UE fejn tkun meħtieġa l-identifikazzjoni tal-operatur ekonomiku doganali.

Eliġibbiltà​​

L-operaturi ekonomiċi stabbiliti f'Malta għandhom jitolbu li jiġu mogħtija numru EORI biex iwettaq attività kummerċjali fejn huma kkonċernati l-proċeduri doganali;

L-operaturi ekonomiċi mhux stabbiliti fl-UE jistgħu japplikaw fid-dwana ta' Malta jekk ikunu qed jippreżentaw l-ewwel dikjarazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropeja jew japplikaw għal xi awtorizzazzjoni f'Malta.

Jekk operatur ekonomiku jkollu l-intenzjoni li juża l-proċeduri ta' esportazzjoni minn Malta, ic-ċertifikat lokali tal-VAT huwa meħtieġ.

Operaturi Ekonomiċi li japplikaw, jistgħu jiċċekkjaw jekk in-numru hux validu billi jidħlu fis-sit EORI number validation (europa.eu) wara 24/48 siegħa minn meta jkunu issottomettew l-applikazzjoni, eskluż fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi.

In-numru tal-EORI huwa l-istess numru tal-Vat. Konfermazzjoni tintbghat biss permezz ta’ ittra awtomatika.

Kif tapplika​

Imla l-formola onlajn u ibgħatha.

Id-dettalji tar-reġistrazzjoni jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-UE jekk l-operatur ekonomiku jagħżel li jagħti l-kunsens billi jimmarka l-kaxxa applikabbli. L-EO huma mitluba li jibagħtu ċ-ċertifikat tal-VAT tagħhom (jekk ikun applikabbli), ċertifikat tal-MBR, flimkien ma' kopja tal-Karta tal-Identità jew passaport ta' wieħed mid-diretturi (diretturi barranin biss). Id-diretturi Maltin huma mitluba jiktbu l-isem sħiħ u n-numru tal-Karta tal-Identità. L-imejl u n-numru tat-telefown tal-kuntatt huma mitluba wkoll.

applika