Ħarsa ġenerali​

Il-Fond ta’ Garanzija huwa maħsub biex jiggarantixxi l-ħlas ta’ pagi mhux imħallsin dovuti minn min iħaddem lil dawk l-impjegati li l-impjieg tagħhom ikun ġie mitmum minħabba l-insolvenza ppruvata ta' min iħaddem. Insolvenza sseħħ meta individwu jew organizzazzjoni ma jkunux għadhom f’pożizzjoni jissodisfaw l-obbligi finanzjarji tagħhom.

L-impjegat jintrabat li jirrifondi l-Fond somma ekwivalenti għall-ammont imħallas mill-Fond mill-Bord ta’ Amministrazzjoni fir-rigward tat-talba li tkun saret mill-impjegat minn kwalunkwe ammonti miksuba minn kwalunkwe proċedimenti tal-Qorti u minn kwalunkwe ħlas li jkun ġie rċevut mil-likwidatur, skont il-każ inkwistjoni.

Kull persuna li tinsab ħatja li rreġistrat talba falza għal ammonti mhux imħallsa, jew li tinsab ħatja li aġixxiet f’kollużjoni ma' min iħaddem jew impjegat biex takkwista ħlasijiet mill-Fond, tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinsab ħatja, multa li hi ekwivalenti għal għaxar darbiet aktar tal-ammont imħallas mill-Fond, flimkien ma’ xi piena oħra li tista’ tkun applikabbli skont xi liġi oħra.

​X’ser​ tingħata

Konferma li t-talba ġiet riċevuta. F’każ li l-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija japprova t-talba, jingħata pagament applikabbli kif xieraq.

Eliġibbiltà​​

Dan il-Fond jistgħu japplikaw għalih impjegati li l-employer tagħhom ikun ġie ddikjarat fallut mill-Qrati.

Ma jistgħux japplikaw għalih:
• impjegati domestiċi;
• sajjieda li jkunu share-fishermen; u
• impjegat li, waħdu jew weħidha jew flimkien mal-ġenituri, ir-raġel jew il-mara, it-tfal jew l-aħwa tiegħu jew tagħha, kien il-proprjetarju jew komproprjetarju tal-azjenda jew tan-negozju ta' min iħaddem u kien jinfluwenza l-attivitajiet tagħhom b’mod konsiderevoli.

It-talba rreġistrata minn kull impjegat individwali għandha tkun limitata għall-ammonti ta’ pagi mhux imħallsa li jikkonsistu fil-paga bażika għall-perjodu rilevanti li fih ma jkunx sar ħlas, f’kull sahra mhux imħallsa, f’arretrati għal kull leave għas-sena kalendarja kurrenti u dik preċedenti, u f’kull ħlas ta’ notice li suppost isir skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ta’ Malta.

It-talba rreġistrata minn kull impjegat individwali għandha tirreferi għall-ammonti mhux imħallsa li kienu dovuti għall-pagi li kellhom jitħallsu fi żmien is-sitt xhur ta’ qabel id-data meta min iħaddem ikun dikjarat fallut jew qabel it-terminazzjoni tal-impieg. Dawn l-ammonti mhux imħallsa ma għandhom fl-ebda każ jeċċedu somma li hija ekwivalenti għal paga minima nazzjonali mħallsa għal tlettax-il ġimgħa pagabbli fiż-żmien tat-terminazzjoni tal-impjieg ta’ dak l-impjegat.

Kif tapplika​

Imla l-formola onlajn u ibgħatha.

L-impjegat għandu jirreġistra talba valida mal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-pagi mhux imħallsa fi żmien xahrejn mill-bidu tal-insolvenza tal-employer. L-impjegat għandu jġib prova sostanzjata li jkun irreġistra talba valida għall-pagi mhux imħallsa fil-proċeduri ta’ insolvenza ta' min iħaddem fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.

Il-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ jitlob kwalunkwe informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna biex ikun jista’ jaqdi sew l-obbligi tiegħu, u jkun id-dmir ta’ kull persuna hekk mitluba li tikkopera bis-sħiħ mal-Bord ta’ Amministrazzjoni.
applika