Assistenzi għal Diżabilità (DSS)

Aġġornat l-Aħħar: It-Tnejn 03 Awwissu 2026

Ħarsa ġenerali

Hemm erbgħa (4) tipi ta’ assistenzi għal persuni b’diżabilità li huma disponibbli taħt il-qafas tas-sigurtà soċjali ta’ Malta. Dawn l-assistenzi huma mfassla biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lil individwi b’diżabilità fiżika, intellettwali, sensorja, jew severa, skont l-età u l-kundizzjoni medika tagħhom. Il-Bord Inter-Professjonali jiddeċiedi jekk il-każ in kwistjoni jaqax fil-parametri mediċi għal ħlas ta’ dawn l-assistenzi bl-użu tal-qafas ICF (Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonament, id-Diżabilità u s-Saħħa). Dan il-qafas, żviluppat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), jevalwa l-livell ta’ funzjonament u diżabilità ta’ persuna aktar milli jiffoka biss fuq dijanjosi medika. 

 

L-assistenzi li wieħed jista’ japplika għalihom jinkludu:
 

  • Assistenza għal Diżabilità - tingħata lil individwi ta’ bejn is-16 sa taħt il-65 sena li qed ibatu minn paraliżi totali jew malfunzjoni permanenti severa u totali jew inkella diżabilità totali permanenti permezz ta’ amputazzjoni, jew xort’oħra, ta’ id jew sieq. Tingħata wkoll lil persuna b’impediment fis-smiegħ u/jew fid-diskors. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ diżabilità bejn 45% u 59%.

  • Assistenza għal Diżabilità Severa (Fiżika) - tingħata lil individwi b’diżabilità fiżika li huma kapaċi jaħdmu. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ diżabilità bejn 60% u 74%.

  • Assistenza għal Diżabilità Severa (Intellettwali) - tingħata lil individwi b’diżabilità intellettwali u ta’ tagħlim ġenerali. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ diżabilità bejn 60% u 74%.

  • Assistenza għal Persuna b’Vista Batuta - tingħata lil individwi ta’ 14-il sena u aktar li huma parzjalment jew kompletament viżwalment impeduti. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ diżabilità il-fuq minn 50%.

 

Għal dawk l-individwi ta’ bejn l-età ta’ 16 u 65 sena li ġew iddijanjostikati b’diżabilità iżda wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb diżabilità ta’ klassifikazzjoni ta’ bejn 30% u 44%, jista’ jingħata l-Benefiċċju ta’ Diżabilità, skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà.

 

F’każ ta’ individwi bejn l-età ta’ 16 u 65 sena li ġew iddijanjostikati b’diżabilità u wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ diżabilità ta’ 75% jew aktar, jistgħu jkunu intitolati awtomatikament għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa mingħajr il-bżonn li jissottomettu applikazzjoni separata.

 

Għal tfal mit-twelid sakemm jaslu biex jagħlqu 16-il sena jistgħu ukoll jikkwalifikaw għall-Allowance tat-Tfal b’Diżabilità mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà. F’każ ta’ tfal b’viżta batuta, l-eliġibilità tapplika sakemm jaslu biex jgħalqu 14-il sena.

 

Applikant li kien eliġibbli għal Allowance għat-Tfal b'Diżabilità qabel l-età ta’ sittax-il (16) sena jew f’każ ta’ Assistenza għal vista batuta ta’ età ta’ erbatax-il (14) sena, xorta jista’ jiġi eżaminat mill-bord Inter-Professjonali għall-eliġibilità ta’ Assistenzi ta’ Diżabilità.

X’ser​ tingħata

Il-pagamenti jinħarġu kull erba’ (4) ġimgħat bil-quddiem. L-ammont tal-benefiċċju ivarja skont it-tip ta’ assistenza li tiġi mgħotija u huma soġġetti għal Skeda kurrenti ta’ Rati tal-Benefiċċji.
 

Ikklikkja hawn għal skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.

Eliġibbiltà​​

Fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tad-diżabilità, il-Bord Inter-Professjonali juża l-qafas ICF biex jiddetermina sa liema punt il-kundizzjoni ta’ persuna taffettwa l-ħajja tagħha ta’ kuljum, il-parteċipazzjoni tagħha fis-soċjetà u l-kapaċità tagħha li tiffunzjona. Ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni jiġi espress bħala klassifikazzjoni perċentwali tad-diżabilità, li tintuża biex tiġi determinate l-eliġibilità għal benefiċċji u assistenza relatati mad-diżabilità.

 

Għaldaqstant, l-eliġibbiltà għat-tipi differenti ta’ assistenza għad-diżabilità tiġi determinata fuq il-bażi ta’ fatturi bħall-età, it-tip ta’ diżabilità u r-riżultat tal-valutazzjoni medika. L-intitolament mhuwiex suġġett għal test tal-mezzi, jiġifieri l-applikanti jistgħu xorta jikkwalifikaw anke jekk ikunu qed jaħdmu. Kriterji speċifiċi ta’ eliġibbiltà japplikaw għal kull tip ta’ assistenza għad-diżabilità:
 

  • Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) japplikaw "Drittijiet Duplikati", fejn benefiċjarju ma jistax jirċievi żewġ pensjonijiet; benefiċċji; assistenza jew allowance fl-istess ħin, iżda l-aħjar rata ta’ pensjoni; benefiċċju; assistenza jew Allowance.

  • Persuna li tkun diġà qed tirċievi il-ħlas għal wieħed minn dawn l-assistenzi wara li tagħlaq sittin (60) sena, jkollha ir-rata tagħha miżjuda għall-ekwivalenti tar-rata tal-Pensjoni tal-Età.

  • Il-persuna tkun tbati mid-diżabilità qabel ma laħqet l-età ta’ sittin (60) sena.

 

Assistenza għal Diżabilità

  • L-applikant jrid ikollu bejn sittax-il (16) sena u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena.

  • L-applikant:

    • ikun ibati minn paraliżi totali; jew

    • ikun ibati minn malfunzjoni permanenti severa u totali; jew

    • ikun ibati minn diżabilità totali permanenti permezz ta’ amputazzjoni, jew xort’oħra, ta’ id jew sieq; jew

    • ikun ibati minn nuqqas ta’ smiegħ; jew

    • ma jkunx jitkellem.

 

Assistenza għal Diżabilità Severa (Fiżika) u Benefiċċju għal Diżabilità

  • L-Assistenza għal Diżabilità Severa tingħata lil persuni b’diżabilità u l-applikant jrid ikollu bejn sittax-il (16) sena u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena.

 

Assistenza għal Diżabilità Severa (Intelletwali) u Benefiċċju għal Diżabilità

  • Il-persuna jkollha diżabilità mentali u diżabilità fuq tagħlim ġenerali.

  • L-applikant jrid ikollu bejn sittax-il (16) sena u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena.
     

Assistenza għal Persuna b’Vista Batuta

  • Persuna b’diffikultà viżiva tirreferi għal min għandu l-akkutezza viżiva ċċertifikata minn oftalmologu bħala tant baxxa li ma tħallix lil persuna tagħmel xogħol li għaliha il-vista hija essenzjali.

  • L-applikant irid ikollu bejn erbatax-il (14) sena u anqas minn ħamsa u sittin (65) sena.

Kif tapplika​

L-applikazzjonijiet għal assistenzi għal disabilità iridu jkunu sottemessi minn speċjalista kuranti billi juża r-rapport mediku online, f’isem l-applikant (aqra aktar).
 

Imla u ssottometti r-Rapport Mediku online.

Issottometi l-applikazzjoni tiegħek

Applika