Ħarsa ġenerali​

Tech.mt tilqa’ applikazzjonijiet minn studenti li jixtiequ jingħaqdu mal-komunità ta’ Tech.mt, jipparteċipaw fl-inizjattivi tagħna u jappoġġjaw sforzi għall-promozzjoni ta’ malta bħala ċentru ta’ għażla tat-teknoloġija u l-innovazzjoni.

​X’ser​ tingħata

Is-sħubija ma’ Tech.mt toffri diversi opportunitajiet sabiex tagħmel kuntatti, tikber, u tappoġġja l-istudji u l-karriera futura tiegħek.

Il-potenzjal ta’ Malta fis-settur teknoloġiku qiegħed jikber flimkien mal-opportunitajiet.

Aħna ta’ Tech.mt dejjem konna impenjati li nappoġġjaw u nrawmu riżerva kbira ta’ talent li tissodisfa kemm it-talba tal-industrija teknoloġika lokali kurrenti kif ukoll dik futura. Aħna naħdmu biex nassistu lill-istudenti matul l-istudji tagħhom u warajhom filwaqt li nipprovdu wkoll pjattaforma sabiex in-negozji ġodda, l-istudenti u l-akkademja jippromwovu x-xogħol tagħhom u jiċċelebraw is-suċċess tagħhom.

Dan permezz ta’ diversi inizjattivi li għandna għaddejin. Waħda li għandha tissemma hija s-sħubija strateġika ma’ esperti li jmexxu l-industrija sabiex jassistu l-istudenti u l-akkademja fl-avvanz tal-ideat innovattivi ta’ negozju tagħhom. Permezz ta’ din l-inizjattiva, is-sħab jaqsmu l-għarfien tan-negozju, l-esperjenza tal-industrija u l-ħiliet tagħhom mal-benefiċjarji sabiex jgħinuhom fil-ħolqien ta’ mudell ta’ negozju olistiku. Tech.mt timmira li timmotiva n-negozji ġodda sabiex ikunu iktar miftuħa għal futur diġitali u sabiex jiżguraw li n-negozju tagħhom jkollu aġilità u jkun lest li jadotta ideat innovattivi ġodda. Barra minn hekk, Tech.mt taħdem biex tipprovdi opportunitajiet differenti għal intraprendituri żgħar sabiex tgħinhom itejbu l-ħiliet tagħhom u jiskopru prospettivi ġodda għan-negozju tagħhom.

Universitajiet

Ftehimiet ta’ kooperazzjoni

Studenti li jixtiequ javvanzaw l-istudji tagħhom issa jistgħu jibbenefikaw minn ftehim ta’ kooperazzjoni bejn Tech.mt, l-Università ta’ Malta u tmien Universitajiet Taljani li għandu l-għan li jagħti lill-istudenti l-possibbiltà li jtejbu l-edukazzjoni tagħhom fi ħdan l-industrija teknoloġika. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, xprunata minn Tech.mt, l-Università ta’ Malta daħlet fi sħab mal-Università ta’ Camerino, l-Università ta’ Catania, l-Università ta’ Ferrara, l-Università ta’ Genoa, l-Università ta’ Milano, l-Università ta’ Perugia, l-Università ta’ Piemonte Orientale u l-Università ta’ Verona. L-universitajiet kollha qegħdin jiżviluppaw b’mod kostanti oqsma ġodda ta’ studju fi ħdan l-oqsma tax-xjenza tal-kompjuters, l-inġinerija u l-bijoinformatika medika fost oħrajn.

Dan il-ftehim jippermetti kollaborazzjoni avvanzata permezz ta’ skambji ta’ studenti, l-organizzazzjoni ta’ konferenzi, korsijiet u seminars. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni Tech.mt timmira li tiffaċilita n-networking u diskussjonijiet soċjoekonomiċi bejn l-Italja u Malta filwaqt li toħloq toroq ta’ studju innovattivi u possibbiltajiet ta’ riċerka konġunta sabiex l-istudenti jiskopru iktar opportunitajiet.

Tech.mt qiegħda tikkollabora wkoll mal-Università ta’ Malta fuq ferm iktar inizjattivi. Waħda li għandha tissemma hija l-kollaborazzjoni mal-University of Malta Racing (UoMR) – tim ta’ studenti li ddiżinjaw u bħalissa qegħdin jibnu karozza tat-tlielaq tal-Istil Formula Wieħed. Permezz tal-isforzi tagħna nimmiraw li nesponu dan it-talent eċċezzjonali fuq livell lokali u internazzjonali.

Appoġġ

Appoġġ għal ideat innovattivi

Aħna ta’ Tech.mt dejjem naħdmu biex nappoġġjaw ideat innovattivi ta’ studenti u negozji ġodda billi nipprovduhom bl-għodod it-tajba sabiex jieħdu l-ideat tagħhom għal-livell li jmiss. Aħna qegħdin nappoġġjaw intraprendituri żgħar billi niffaċilitaw il-kuntatti u nipprovduhom bl-għodod it-tajba sabiex jespandu l-innovazzjonijiet tagħhom. Ġie kkompilat Manwal għall-Intraprendituri minn Tech.mt li jagħti lill-istudenti l-informazzjoni prattika neċessarja kollha dwar xi jfisser li tkun intraprenditur. Dan jipprovdi informazzjoni dwar finanzi, operazzjonijiet, analiżi tal-kummerċjalizzazzjoni, riċerka u tattiki tal-kummerċjalizzazzjoni fost suġġetti oħra rilevanti għall-industrija.

Talent

L-aqwa mit-talent Malti

Aħna ta’ Tech.mt mhux biss naħdmu biex nibnu riżerva kbira ta’ talent u biex nissodisfaw id-domanda tal-industrija kurrenti u futura, iżda anki nfittxu li nirrikonoxxu u niċċelebraw l-aqwa mit-talent, l-ambizzjoni u l-kisbiet Maltin f’diversi kategoriji tal-ekosistema diġitali tagħna. L-eBusiness Awards, sostnuti min Tech.mt, sejrin jiġu mnedija f’Lulju li ġej bi premju ddedikat għall-Aqwa Teżi Akkademika tal-ICT. L-eBusiness Awards huma rikonoxximent prestiġjuż tas-suċċess Malti fil-konklużjoni ta’ proġetti, inizjattivi, soluzzjonijiet jew kisbiet oħra fil-qasam diġitali. Aħna nistednuk tissottometti l-proġetti tiegħek għal dawn il-premji u/jew li tikkuntattjana biex titgħallem iżjed dwar kif nistgħu nappoġġjawk fil-ħidma futura tiegħek.

Eliġibbiltà​​

Is-sħubija tal-istudenti ma’ Tech.mt hija miftuħa għall-individwi kollha li bħalissa qegħdin jistudjaw u li huma interessati f’Malta bħala ċ-Ċentru Teknoloġiku ta’ għażla.

Kif tapplika​

Kif Tapplika għall-Isħubija

  1. Imla l-formola ta’ reġistrazzjoni
  2. Is-sħubija tiegħek ser tiġi mistħarrġa minn Tech.mt qabel ma tiġi approvata
  3. Idħol fil-kont tiegħek sabiex taċċessa l-portal tal-istudenti membri
  4. Lesti l-profil tiegħek
  5. Aċċessa riżorsi utli
applika