Avviż​

 Content Editor ‭[1]‬

   
Mistoqsijiet K​omuni


1. Xi rrid nieħu miegħi meta nżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov?

Biex tagħmel talba għal servizz dejjem ikollok bżonn il-Karta tal-Identità tiegħek. Huwa importanti li ġġib kull dokumentazzjoni relatata mal-każ tiegħek biex tiffaċilita aktar il-proċess. Ir-rappreżentant ta’ servizz.gov jiggwidak dwar dokumentazzjoni jew informazzjoni oħra li jkollok bżonn għall-każ tiegħek.

2. Hemm xi servizzi li ma nistax nirċievi minn servizz.gov?

In-numru ta’ servizzi li wieħed ma jistax jinqeda dwarhom huma minimi madankollu jinkludu fost l-oħrajn ħlas ta’ liċenzji u rifużjonijiet tat-taxxa. Minkejja dan, inti jkollok l-għażla li tiġi ggwidat u tingħata għajnuna meta jkollok xi mistoqsijiet fuq servizzi bħal dawn billi żżur servizz.gov jew iċċempel Freephone153 u titlob l-assistenza.
 

3. Xi jsir mit-talba jew mistoqsija tiegħi?

F’każ ta’ talba għal informazzjoni, ir-rappreżentant ta’ servizz.gov jagħtik ir-risposta immedjatament. Dan isir billi jaċċessa l-informazzjoni fuq is-servizzi tal-gvern online. F’każ ta’ nuqqas ta’ informazzjoni, ir-rappreżentant jiftaħ każ biex jiġi segwit u l-klijent eventwalment ikun moqdi.

Meta rappreżentant jiftaħ każ ġdid, inti tingħata numru apposta għalik. Tingħata wkoll ittra ta’ konferma tal-każ bin-numru tal-każ tiegħek u informazzjoni dwar kif tista’ tagħmel kuntatt ma’ servizz.gov. 

Wara li l-każ ikun sottomess lid-dipartiment jew entità tal-Gvern, uffiċjali minn dik l-organizzazzjoni jistgħu jikkuntattjawk dwar il-każ tiegħek. Dan isir f’każ li jkun hemm bżonn li tiġi ċċarata xi informazzjoni li tkun ingħatat jew biex terġa’ tissottometti dokumentazzjoni. Ir-rappreżentant ta’ servizz.gov ikun l-aħħar persuna li jagħtik ir-risposta li qed tfittex

4. Min jiddeċiedi dwar il-każ tiegħi?

Ikun id-dipartiment jew l-entità tal-Gvern responsabbli li jieħu ħsieb l-ipproċessar tal-każ tiegħek skont il-kriterji u l-metodi applikabbli fiż-żmien tal-ipproċessar li jiddeċiedi dwar il-każ tiegħek.

5. Meta jkolli risposta u min jikkuntattjani?

Kull servizz għandu ż-żmien stipulat tiegħu biex tittieħed deċiżjoni dwaru. L-aġent jinfurmak meta għandu jkollok risposta. 

Dan it-tul ta’ żmien ikun skont is-sitwazzjonijiet kif ġej:

F’każ ta’talba għal informazzjoni dwar servizzi tal-Gvern; iż-żmien stipulat jiddependi fuq l-informazzjoni li tkun intalbet.

Jekk l-informazzjoni tkun disponibbli online, ir-risposta tista’ tingħata mill-rappreżentant fi ftit minuti biss.

Jekk it-talba tkun waħda għal servizz, kull servizz għandu d-durata tiegħu li fih irid jiġi indirizzat. Ir-rappreżentant jinfurmak biż-żmien illi fih tkun se tiġi pproċessata r-rikjesta tiegħek.

F’każ ta’talba għal appuntament ma’ rappreżentant tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali, dan jingħata skont l-ewwel disponibbilità tar-rappreżentanti, li jinsabu mifruxa madwar Malta fiċ-ċentri ta’ servizz.gov.

Meta tagħti suġġeriment dwar is-servizz tal-Gvern, dan jiġi pproċessat mid-dipartiment ikkonċernat filwaqt li inti tiġi kkuntattjat f’każ ta’ kjarifiki.


6. X’nista’ nagħmel jekk ma jkollix risposta fiż-żmien stipulat?

Tista’ żżur wiehed miċ-ċentri ta’ servizz.gov, tibgħat email fuq [email protected] jew iċċempel Freephone153.

7. X’inhi prokura?

Prokura hija dokument legali fejn jawtorizza persuna oħra, imsejħa mandatarju, sabiex jaġixxi għan-nom tal-persuna li tkun għamlet il-prokura, imsejħa l-mandant, f’każ li l-mandant ma jkunx jista’ jieħu d-deċiżjonjiet neċessarji huwa jew hija stess.

8. Bħalissa qed ngħix barra minn Malta u għandi bżonn nikseb informazzjoni dwar servizzi governattivi, kif nista nagħmel użu mill-Freephone 153?

Jekk qed tgħix barra minn Malta u għandek bżonn assistenza min-naħa tal-Freephone 153, tista’ tagħmel kuntatt magħna fuq +356 21255153.
Dan in-numru mhuwiex b’xejn, għaldaqstant japplikaw it-tariffi.

​​​