Il-Ministeru għall-Finanzi nieda l-iskema li ġejja, li se tirrimborsa n-nefqa eliġibbli li ssir mill-applikant relatata mar-restawr u l-irfinar ta’ proprjetajiet privati residenzjali li jkunu fiż-Żona ta’ konservazzjoni Urbana (ŻkU), propjetajiet li ilhom mibnija għal aktar minn għoxrin sena u huma vakanti għal aktar minn seba’ snin, u għal dawk il-propjetajiet ġodda żviluppati b’konformità ma’ kriterji approvati kif definiti mil-linji gwida stabbiliti u approvati mill-Bord maħtur mill-Ministru responsabbli għall-finanzi.
Bejn l-1 ta’ Jannar, 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2026, applikanti eliġibbli jistgħu japplikaw darba biss għal kull proprjetà għal għotja ta’ 18% u/jew 10%, fejn applikabbli, fuq l-ispejjeż tar-restawr u l-irfinar sa massimu aggregat ta’ €54,000 għal kull proprjetà.
F'każijiet fejn applikant ikollu l-ħsieb li japplika għall-għotja fuq aktar minn proprjetà waħda, għandu jissottometti applikazzjoni separata għal kull proprjetà li jkun qed japplika għaliha.
L-applikant irid ikun resident f’ Malta, ta’ 18-il sena jew aktar, u rikonoxxut uffiċjalment bħala s-sid ta’ proprjetà residenzjali privata li tkun fiż-Żona ta’ konservazzjoni Urbana (ŻkU), jew is-sid tal- proprjetà residenzjali privata li ilha mibnija għal aktar minn għoxrin sena u li ilha vakanti għal aktar minn seba’ snin, jew is-sid ta' proprjetà residenzjali privata ġdida żviluppati b’konformità ma’ kriterji approvati kif definiti mil-linji gwida stabbiliti u approvati mill-Bord.
Din l-għotja tapplika għal dawk li ser jixtru jew li diġa għandhom dawn it-tip ta’ propjetajiet u jixtiequ jirrestawrawhom u jirfinawhom u liema xogħlijiet ta’ restawr saru mit-12 ta’ Ottubru 2021 ‘il quddiem.
Proprjetà li tibbenefika mill-għotja ma tistax tiġi diviża, fejn in-numru ta' units residenzjali jibqa' l-istess. Jekk il-propjetà tiġi sussegwentement żviluppata mill-ġdid f'unitajiet residenzjali separati, l-applikant ikollu jħallas lura l-ammont sħiħ tal-għotja imħallsa lilhom taħt din l-iskema
Imla l-formola onlajn u ibgħat.
Ġentilment ikklikkja hawn biex taqra u ssegwi l-kundizzjonijiet sħaħ tal-avviż tal-Gvern