Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa impenjat li jrawwem stil ta' ħajja aktar b'saħħtu fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi promossa l-attività fiżika u l-benesseri. Għal dan il-għan, il-Ministeru żviluppa Skema ta’ Appoġġ għall-Attività Fiżika taż-Żgħażagħ.
Din l-inizjattiva hija valida għal dawk iż-żgħażagħ imwielda bejn l-2005 u l-2007, billi toffrilhom sitt xhur ta’ abbonament b’xejn li jissarfu f’sitt xhur sħubija f’gyms. Is-sistema hija allinjata mal-prijoritajiet nazzjonali għall-promozzjoni tas-saħħa u l-iżvilupp taż-żgħażagħ, u għandha l-għan li toħloq kultura ta’ għarfien dwar is-saħħa fost iż-żgħażagħ, filwaqt li maż-żmien jitnaqsu l-ispejjeż tas-saħħa pubblika.
Din hija applikazzjoni għal dawk il-gyms li huma interessati li joffru s-servizzi tagħhom għal dawk iż-żgħażagħ interessati biex jibbenefikaw minn din l-iskema.