Massimo Vella
Kap Eżekuttiv (CEO)
Is-Sur Vella twieled f’Novembru tal-1968. Studja fl-Università ta’ Greenwich fejn iggradwa fil-Computer Science u fl-Information Systems Management fil-livell ta’ Baċellerat u Masters rispettivament.
Hekk kif għażel karriera fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta fl-1989, is-Sur Vella assuma diversi rwoli fosthom dawk maniġerjali kif ukoll tekniċi. Fl-2012 inħatar bħala Chief Information Officer fejn mexxa proġetti bħas-simplifikazzjoni u applikazzjonijiet strateġiċi oħra f’diversi ministeri. Ikkontribwixxa f’oqsma bħall-myHealth, Electronic Exchange of Social Security Information, mServices, il-proġett Digital Tourism Platform – CONvErGE (ERDF 2.035), l-inizjattiva Government Modern Workplace Initiative u Digitisation.
Is-Sur Vella kkontribwixxa wkoll bħala membru ta’ grupp ta’ ħidma f’inizjattivi varji fosthom fl-istrateġija Mapping Tomorrow, fis-Social Media Policy, fl-istrateġija tas-Cyber Security Nazzjonali, fid-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn u fl-istrateġija tat-Take-up tas-servizz online.
Is-Sur Vella nħatar Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov f’Awwissu 2020.
Andre Arciola
Kap tal-Kwalità u t-Taħriġ
Is-Sur Arciola twieled fl-1982. Studja fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fil-qasam turistiku u fil-Management fil-livell ta’ Masters.
Beda l-karriera tiegħu fil-qasam tal-kwalità u t-taħriġ fejn għal għaxar snin ħadem fl-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fejn nieda diversi skemi dwar il-kwalità u t-taħriġ għal din l-industrija.
Ingħaqad fl-aġenzija f’Mejju tal-2018 u sena u nofs wara nħatar Kap tal-Kwalità u t-Taħriġ.
Fil-ħin liberu tiegħu s-Sur Arciola huwa dilettant tal-football. Għal numru ta’ snin serva bħala referee kif ukoll bħala Assistent Direttur fi ħdan id-Dipartiment tar-Referees fl-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football.
Lincoln Grixti
Kap tal-ICT u Data
Is-Sur Grixti twieled fi Frar fl-1986. Studja fl-Università ta’ Malta u dik ta’ Liverpool, fejn iggradwa fit-Teknoloġija tal-Informatika flimkien mal-Intelliġenza Artifiċjali u fl-Istudji Avvanzati tal-Kompjuter, f’livell ta’ Degree u Masters rispettivament.
Bħala persuna tat-teknoloġija, b’iktar minn ħmistax-il sena esperjenza fis-settur privat, ir-rwol tas-Sur Grixti huwa li jagħti l-ħajja lill-kunċetti permezz tat-teknoloġija. L-esperjenza professjonali tiegħu tinkludi l-formazzjoni ta’ timijiet tekniċi li flimkien joħolqu teknoloġiji kemm għas-suq lokali kif ukoll dak internazzjonali, l-iktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kumpaniji start-up fl-oqsma tat-turiżmu, il-gaming, l-assigurazzjoni u l-e-commerce.
F’Diċembru tal-2019, is-Sur Grixti nħatar bħala l-Kap tal-ICT u Data ta’ servizz.gov, fejn huwa responsabbli mit-teknoloġiji meħtieġa biex iċ-ċittadin jingħata servizz ta’ eċċellenza. Huwa inkarigat ukoll mis-superviżjoni ta’ proġetti oħra fl-amministrazzjoni pubblika.
Henry Cipriott
Kap tas-Servizzi Korporattivi
Is-Sur Cipriott twieled f’Novembru tal-1984. Studja fl-Università ta’ Malta u dik ta’ Leicester fl-Ingilterra, fejn iggradwa fil-politika soċjali u fil-management tar-riżorsi umani fil-livell ta’ Baċellerat u Masters rispettivament.
Għandu ’l fuq minn għaxar snin esperjenza fl-amministrazzjoni u l-management tal-impjegati fis-settur pubbliku. L-esperjenza professjonali tiegħu tvarja minn tfassil ta’ policies, ippjanar strateġiku ta’ riżorsi umani, sorveljanza tal-liġi tax-xogħol, perkaċċi tal-impjegati, bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, il-benessere tal-impjegat kif ukoll it-taħriġ u l-iżvilupp.
Is-Sur Cipriott inħatar Kap tas-Servizzi Korporattivi ta’ servizz.gov f’Diċembru tal-2019 fejn flimkien mat-tim tiegħu huwa responsabbli mis-servizzi korporattivi tal-aġenzija filwaqt li jassigura l-użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi umani u finanzjarji.
Dominic Mintoff
Kap tad-Diġitalizazzjoni
Is-Sur Mintoff iggradwa fl-inġinerija mill-Università ta’ Malta fl-1986 u bħalissa qed jistudja dwar Lean Enterprise fuq livell ta’ Master.
Hekk kif bena karriera estensiva fis-settur tal-manifattura ma’ kumpaniji multi-nazzjonali, is-Sur Mintoff iġib miegħu snin ta’ esperjenza lejn is-servizz pubbliku. Okkupa diversi karigi maniġerjali kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna, u bejn l-auto2 u l-2017 kien General Manager ta’ kumpanija Ġermaniża bbażata f’pajjiżna.
Is-Sur Mintoff inħatar Kap tad-Dipartiment tad-Diġitalizazzjoni ta’ servizz.gov f’Ottubru 2020 fejn huwa responsabbli għall-kordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-futur tas-servizzi pubbliċi, b’kollaborazzjoni ma’ msieħba strateġiċi.
